Mument ta’ kburija għall-Orkestra Nazzjonali ta’ Malta meta din qed turi l-kapaċitajiet tagħha fi vjaġġ barra minn xtutna. Mhijiex xena komuni li ġo Times Square tara l-orkestra nazzjonali fuq screen kbir bit-titlu li l-Orkestra Maltija qed tiċċelebra l-50 anniversarju tagħha.
Il-Malta Philarmonic Orchestra Valletta 2018 International Tour qed jivvjaġġa lejn Philadelphia, North Bethesda, New York, Moska, u San Pietruburgu bejn is-27 ta’ Novembru u s-7 ta’ Diċembru 2018. Fost it-teatri prestiġjużi fejn se jdoqqu l-MPO insibu lil Carnegie Hall fi New York, il-Kimmel Centre for the Performing Arts f’Philadelphia, The Music Centre at Strathmore f’North Bethesda, il-Moscow State Tchaikovsky Conservatory f’Moska u l-Mariinsky Theatre f’San Pietruburgu.
Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici faħħar dan il-pass importanti tal-orkestra u stqarr li “huwa tassew importanti li l-Orkestra Nazzjonali jkollha l-opportunità li tesponi ruħha barra minn Malta, kemm għall-orkestra nnifisha, kif ukoll għal pajjiżna. Wara li diġà għamlet diversi kunċerti fl-Ewropa, il-pass li jmiss kien li din timraħ f’kontinenti oħra”. Hu kompla jgħid li “bis-saħħa ta’ dawn il-kunċerti, qegħdin niċċelebraw it-talent u l-kultura lokali, filwaqt li nipprovdu pjattaforma internazzjonali tat-talent lokali tagħna aktar b’saħħitha, u lil udjenza usa’”.
Iċ-Ċermen tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef qal li “l-Fondazzjoni Valletta 2018 ħadmet mill-qrib mal-Orkestra Filarmonika Nazzjonali, u temmen ħafna f’din il-kollaborazzjoni”. Qal li “dawn huma l-opportunitajiet li qed nagħtu, permezz tal-fondi pubbliċi, il-bżulija u ħafna għaqal. Din hija Valletta 2018. Dan it-tour fl-Istati Uniti u r-Russja se jagħti viżibilità qawwija lill-Orkestra nazzjonali tagħna”.
Għal aktar informazzjoni żur http://www.maltaorchestra.com.
Din l-attività hija maħluqa u organizzata mill-Orkestra Filarmonika ta’ Malta bil-kollaborazzjoni tal-Fondazzjoni Ewropea għall-Appoġġ tal-Kultura, u hija appoġġjata minn Valletta 2018.