Il-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku, illejla, fis-6pm, ser imexxi mument straordinarju ta’ talb mill-Belt tal-Vatikan. Minn Pjazza San Pietru, mingħajr nies preżenti fil pjazza, ser tiġi pproklamata l-Kelma ta’ Alla, isir mument ta’ adorazzjoni tas-Sagrament Imqaddes, u wara l-Papa ser jagħti l-Barka Urbi et Orbi (lill-belt u lid-dinja) bil-possibbiltà li wieħed jirċievi l-indulġenza plenarja.
F’dan iż-żmien diffiċli, fejn fid-dinja għaddejja l-pandemija tal-Coronavirus, il-Papa Franġisku qed jistieden lill-Insara kollha jingħaqdu miegħu fit-talb permezz tal-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali. Il-Papa ser iwassal ukoll ir-riflessjonijiet tiegħu wara li tiġi pproklamata l-Kelma ta’ Alla.
Fl-Arċidjoċesi ta’ Malta u fid-Djoċesi ta’ Għawdex, fuq talba tal-Isqfijiet, il-knejjes kollha ser idoqqu mota, kwarta qabel it-talb mill-Vatikan, jiġifieri fis-5:45 ta’ filgħaxija, biex isejħu lill-Insara jingħaqdu fit-talb mal-Papa Franġisku.