Jimmy Carter, li kien serva bħala d-39 President tal-Istati Uniti ingħata l-aħħar tislima l-Ħamis waqt funeral statali li ġie ċċelebrat fil-Katidral Nazzjonali ta’ Washington D.C. u li għalih attendew il-Presidenti kollha tal-Istati Uniti li għadhom ħajjin kif ukoll bosta dinjitarji internazzjonali. Fost dawn il-Prim Ministru Kanadiż Justin Trudeau li għadu kemm irriżenja mill-kariga tiegħu kif ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Maqgħuda Antonio Guterres.
Fl-ewwel filliera kien hemm il-President attwali Joe Biden flimkien mal-mara tiegħu, il-Viċi President Kamala Harris u r-raġel tagħha filwaqt li warajhom kien hemm l-eks Presidenti George W. Bush, Bill Clinton u Donald Trump man-nisa tagħhom kif ukoll Barack Obama. Dan qed jiġi deskritt bħala mument storiku hekk kif ilkoll għal darba ingħaqdu flimkien b’solidarjetà minkejja r-rivalità kbira li teżisti bejniethom.
Kien il-President Joe Biden li tkellem waqt il-funeral, ftit jiem biss qabel joħroġ mill-White House, fejn f’messaġġ emozjonali ħarġet biċ-ċar ir-relazzjoni profonda li kellu ma’ Jimmy Carter. Viżibilment kommoss huwa qal li l-prinċipji li huwa għadu jħaddan sal-lum, dawk li jitratta lil kulħadd b’dinjità u rispett u li jiġġieled kontra l-inġustizzji, kienu kollha karatteristiċi li tgħallem mingħand Carter. Id-diskors kien imsawwar fuq il-kisbiet u l-viżjonijiet ta’ Jimmy Carter li, skont Biden, ma kienux apprezzati jew miftehma f’dawk iż-żminijiet iżda li llum qed nifhmu l-importanza tagħhom.
Wara s-servizz, it-tebut ittieħed bl-ajruplan lejn il-belt ta’ Plains fil-Georgia fejn kellu jsir funeral privat għall-familjari u ħbieb u jingħalqu s-sitt ijiem tal-funeral statali li bdew propju hemm nhar is-Sibt.
Jimmy Carter li miet nhar id-29 ta’ Diċembru fl-età ta’ mitt sena, se jindifen ħdejn Rosalynn Carter, il-mara li kellu għal 77 sena, fil-belt żgħira ta’ Plains fejn twieldu, kibru, għexu l-maġġor parti ta’ ħajjiethom u anke mietu.