Mument intimu bejn koppja Ukrena wassalhom fl-għatba tal-qorti wara li ntlemħu jwettqu atti sesswali fil-gallarija tal-kamra tas-sodda f’San Pawl il-Baħar.
Il-każ seħħ fis-siegħat bikrin tal-Ħamis filgħodu preċiżament f’nofs il-lejl u ħamsa, meta l-pulizija daħlilha rapport li hemm koppja lebsin il-libsa ta’ Adam u Eva jwetqu atti indiċenti f’post espost għall-pubbliku.
Apparti dan, il-koppja Ukrena kienu akkużati wkoll li kienu fis-sakra fil-ħin li seħħ dan l-att ibaqbaq.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud, illiberat lill-koppja Ukrena li jinsabu hawn Malta fuq btala – bil-kundizzjoni li ma jwettqux reat ieħor fi żmien sena.
Minkejja li l-imputati ġew illiberati, il-Maġistrat Joe Mifsud widdeb lil din il-koppja li f’każ li l-ġibdiet tal-ġisem jitlawlhom għal rashom, huma m’għandhom qatt jinżgħu ħwejjiġhom fil-pubbliku u għalhekk għandhom jistennew sabiex jagħmlu dan l-att x’imkien ġewwa bil-purtieri magħluqin.