Illum mistenni jintlaħqu ftehimiet dwar l-arranġamenti kummerċjali ta’ wara l-Brexit, li jikkonċernaw l-Irlanda ta’ Fuq. Dan wara aktar minn sena ta’ negozjati bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea.
Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen mistennija tiltaqa’ mal-Prim Ministru Rishi Sunak f’Berkshire.
Il-mod kif isir in-negozju mal-Irlanda ta’ Fuq ilu punt ta’ tfixkil kbir bejn iż-żewġ naħat, minn meta r-Renju Unit telaq formalment mill-Unjoni Ewropea fl-2020.
Il-ftehim attwali jippermetti li l-merkanzija tiġi ttrasportata tul il-fruntiera tal-art Irlandiża mingħajr il-ħtieġa ta’ kontrolli – protokoll li diġà huwa sensittiv minħabba l-istorja ta’ kunflitti fl-Irlanda ta’ Fuq.
Iżda wara Brexit, il-merkanzija mir-Renju Unit qed tiġi spezzjonata meta tasal fil-portijiet tal-Irlanda ta’ Fuq.
Unjonisti bħad-DUP iħossu li l-protokoll jimmina r-rabtiet tal-Irlanda ta’ Fuq mal-bqija tar-Renju Unit – sitwazzjoni li qed tfixkel ħidmet il-Gvern tal-Irlanda ta’ Fuq.
Ritratt: Evening Standard