Ġiet inawgurata multisensory room ġdida fl-Esplora li ser tara ċ-Ċentru Interattiv tax-Xjenza f’pajjiżna ikompli jsir wieħed iktar inklussiv u b’terapija għall-persuni b’abiltajiet differenti fosthom dawk fuq l-ispettru tal-awtiżmu.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet li fiha ġie inawgurat il-proċess ingħad kif l-Esplora diġà għandha numru ta’ ‘Autism friendly hours’ fix-xahar, filwaqt li qed issir ‘Sunflower lanyard campaign’. Dan ifisser li kull min jixtieq, jitlob għal card apposta, li permezz tagħha il-ħaddiema tal-Esplora jkunu jistgħu jagħtu iżjed assistenza lil min ikun qed iżur il-post.
Iċ- Chairperson tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, Jeffrey Pullicino Orlando spjega kif b’dan il-proġett iċ-ċentru Esplora qed jkun verament attrezzat sabiex kull min iżuru, jkun jista’ jibbenefika mis-servizzi mogħtija.
“Il-multisensory room, tfal, żgħażagħ u anke adulti, li għandhom sfidi partikolari, jkunu jistgħu jabitwaw ruħhom għal kull m’hu ħa jesperjenzaw fl-Esplora, b’mod rilassanti. Esperjenzi tactile, esperjenzi viżwali, anke l-esperjenza tax-xamm, ħalli imbgħad meta joħorġu fil-bqija tal-kumpless, ikunu jistgħu nerġgħu ngħidu, t-tgawdija tagħhom tkun iktar kompleta, u jieħdu dak li jistgħu minn din l-esperjenza.”
Il-Ministru għar-riċerka u l-innovazzjoni, Owen Bonnici spjega kif proġetti bħal dawn jassiguraw li l-innovazzjoni tkun miftuħa għal kulħadd.
“Aħna ma rridu neskludu lil ħadd, kulħadd huwa welcome illi jidħol fid-dinja tax-xjenza tat-teknoloġija, tar-riċerka u l-innovazzjoni u għalhekk qed nagħmlu dawn l-istrutturi biex inkunu iktar friendly, iktar ‘user-friendly’, iktar ikunu addattati, għal kull min għandu abbiltajiet differenti sabiex jiġi hawnhekk u jgawdi mis-servizzi sbieħ ħafna li hawn.”
Il-proġett ta’ multisensory room fl-Esplora qed isir bl-appoġġ tal-Bank of Valletta.