Id-Down Syndrome Association Malta għadha kemm nediet multisensory playroom inklussiva għal tfal bid-Down syndrome u l-familji tagħhom. Dan il-proġett fil-Belt Valletta, b’investiment ta’ €5,000, għandu l-għan li joħloq spazju akkoljenti u inklussiv sabiex jenfazizza l-importanza ta’ esperjenzi multisensorjali li jgħinu fl-iżvilupp ta’ persuni bid-Down Syndrome. Din il-kamra ġiet msemmija għal Michele Sanfilippo tifel bid-Down Syndrome li ġie nieqes aktar kmieni din is-sena.
Dan l-investiment, ffinanzjat mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat permezz tal-iskema Small Initiative Support Scheme (SIS) tħabbar mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia fil-preżenza tal-Kap Eżekuttiv tal-MCVS Mauro Pace Parascandolo.
Din il-multisensory playroom hi mgħammra b’varjetà ta’ elementi stimulanti u interattivi. Dawn jipprovdu lit-tfal b’opportunitajiet sabiex jesploraw u jinteraġixxu b’mod li jtejjeb il-ħiliet tagħhom. Din il-kamra ser tintuża wkoll waqt attivitajiet mal-familja u tippermetti lill-ġenituri, aħwa, u persuni oħra jipparteċipaw b’mod attiv fil-logħob u l-esperjenzi ta’ tagħlim flimkien mal-maħbubin tagħhom.
Fi żjara lid-Down Syndrome Association fil-Belt Valletta, il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia fissret kif bil-ftuħ ta’ din is-sala multisensorjali l-ġdida, qed jinħoloq spazju fejn persuni bid-Down syndrome jistgħu jesploraw, jitgħallmu, u jiffjorixxu f’ambjent b’stimoli sensorjali maħluq apposta għall-bżonnijiet uniċi tagħhom. Qalet kif din l-inizjattiva tisħaq fuq l-impenn biex jinħolqu opportunitajiet ugwali għal kulħadd, u tkompli tikkonferma l-viżjoni tagħna għal pajjiż fejn l-inklużjoni u r-rispett għad-diversità ma jkunux għażla, iżda valur ċentrali.
Il-President tad-Down Syndrome Association, Joeanna Xerri, stqarret li grazzi għal dawn il-fondi saret din il-kamra u li permezz t’hekk l-għan tal-assoċjazzjoni ntlaħaq, fejn din il-multisensory playroom se sservi bħala mezz ta’ terapija, u kif ukoll għas-soċjalizzazjoni għal membri u familji bejniethom. Permezz ta’ din, se jintlaħqu aktar neċessitajiet tal-membri ż-żgħar u anki għall-familji tagħhom.
F’kumment waqt iż-żjara, il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat, Mauro Pace Parascandalo, innota l-varjetà ta’ proġetti li jiġu ffinanzjati bl-iskemi tal-Kunsill u rringrazzja lill-assoċjazzjoni tax-xogħol kollu li tagħmel fil-qasam tal-inklużjoni u d-diżabilità.