Fil-ġejjieni qrib, dawk li jipparkjaw il-vettura tagħhom f’post riservat għal persuni b’diżabilità li għandhom il-badge blue, se jeħlu multa ta’ mhux anqas minn €230 u mhux aktar minn €500 u l-irmonk tal-vettura.
Meta ppreżentat fit-tieni qari l-abbozz ta’ liġi li jipprovdi għal konċessjonijiet ta’ parkeġġ għal persuni b’diżabilità, is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana kkundannat l-użu abbużiv tal-blue badge u lil dawk li jieħdu d-dritt tal-persuni b’diżabilità meta jeħdulhom il-post riżervat għalihom. Hija qalet li huwa tal-mistħija li għad fadal min jabbuża u jipparkja f’post riservat għal persuni b’diżabilità.
Jekk persuna li terġa’ tipparkja f’post riservat, din teħel multa ta’ mhux anqas minn €1,000 u mhux aktar minn €1,500, u l-irmonk tal-vettura.
Hija qalet li fl-Ingilterra, min jipparkja f’post għal persuni b’diżabilità jeħel multa ta’ elf lira sterlina.
Il-liġi titfa’ responsabbiltà wkoll fuq qraba ta’ nies b’diżabilità li jkollhom il-blue badge. Dawn ukoll jeħlu multi jekk persuna tuża l-blue badge li m’għadhiex aktar valida jew tuża waħda ta’ detentur li miet jew meta din l-badge ma tingħatax lura lill-uffiċjal awtorizzat mal-mewt tad-detentur.