Robert Brian Brady, Ingliż ta’ 35 sena ngħata multa ta’ €900, wara li ammetta fil-Qorti li pprova jidħol f’pajjiżna b’ċertifikat tal-vaċċin ta’ ħaddieħor.
Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Hubert Gerada qalet li l-każ seħħ il-Ġimgħa.
Il-Prosekuzzjoni talbet sabiex l-akkużat jingħata multa, hekk kif huwa ammetta mal-ewwel mal-Pulizija u kkopera b’mod sħiħ.
Dan filwaqt li Brady għandu kondotta nadifa.
L-Avukat tal-Għajnuna Legali qabel ma’ dak li ntqal mill-Prosekuzzjoni.
Hawnhekk il-Qorti mmexxija mill-Maġistrat tal-Għassa Elaine Mercieca sabet lill-akkużat ħati u ordnatlu jħallas multa.