Kaċċatur li nqabad b’mitt skartoċċ f’ħin li ma kinetx permessa kaċċa kien immultat €2,000 u kellu sospiżi l-liċenzji tal-kaċċa u l-insib għal sentejn. Dan f’deċiżjoni li tat il-Qorti ta’ Għawdex li ċaħdet l-argumenti tad-difiża li Anthony Camilleri ma kellux jinstab ħati għax inqabad meta l-istaġun kien għadu miftuħ.
“Il-Qorti tħoss li lanqas jagħmel sens dak li argumentat id-difiża li dakinhar li nqabad mill-Pulizija l-imputat kien open season. Huwa veru li dakinhar kien wieħed mill-jiem fejn seta’ jkun hemm kaċċa imma dan kien sa nofsinhar. Wara nofsinhar l-istaġun ikun magħluq,” iddikjarat il-Qorti.
Fis-sentenza ingħad li “l-istaġun limitat tal-kaċċa fir-rebbiegħa għall-gamiema u s-summiena għandu jkun suġġett għall-infurzar strett biex ħadd ma jabbuza minn din il-konċessjoni.”
Il-Qorti reġgħet għamlitha ċara li ma hi se tittollera ebda ksur tal-liġi, regoli u kundizzjonijiet oħra applikabbli.