Inħarġet ordni ta’ konservazzjoni mill-Awtoritá tal-Ambjent u r-riżorsi bl-għan li l-ebda persuna ma taċċessa t-Tieqa tad-Dwejra.
L-aċċess ma jistax isir mhux biss mill-art iżda anqas mill-baħar, hekk kif f’konferenza tal-aħbarijiet tħabbar li l-baħar ta’ taħt it-tieqa mhux se jibqa’ aċċessibbli.
Il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Jose Herrera spjega li wara filmati u ritratti li dehru fil-midja fl-aħħar jiem li juru ġebel jaqa’ hekk kif xi nies pruvaw jaqbżu minn din it-Tieqa, huwa ta ordni biex l-Awtoritá tieħu azzjoni.
Se jkun qed isir ukoll tibdil fil-liġi sabiex din iż-żona verament tiġi protetta. It-tabella eżistenti li twissi li huwa riskjuż li wieħed jaqbeż u jimxi fuq din it-tieqa, se tkun qed tinbidel f’waħda b’avviż legali.
L-Awtoritá spjegat li l-pjan hu, li anke jkollha uffiċjali f’din iż-żona, biex din l-ordni ta’ konservazzjoni tiġi rispettata. Dawn l-uffiċjali se jkunu jistgħu jagħtu multa lil persuni li ma josservawx ir-regoli, multa li tibda minn €1500.