Mara ġiet immultata seba’ mitt ewro għal disprezz tal-Qorti talli werżqet fl-awla fejn kien qed jitressaq l-għarus tagħha, li kien qed jiġi mixli b’bejgħ tal-kannabis.
Il-mara ma setgħetx tikkontrolla l-frustrazzjoni, meta qamet kwistjoni dwar l-indirizz tal-akkużat, Libjan ta’ tlieta u tletin sena, li l-ewwel ħa lill-Pulizija f’indirizz fil-Belt, imbagħad qal li kien qed jgħix mat-tfajla f’Ħaż-Żabbar.
Huwa ġie arrestat wara li allegatament, kien qed jipprova jbigħ id-droga viċin il-funtana tat-Tritoni, meta nstab fil-pussess ta’ kważi disa’ grammi ta’ kannabis.
Huwa wieġeb mhux ħati li ttraffika l-kannabis u li kien fil-pussess ta’ din id-droga f’ċirkostanzi li juru li ma kinitx għall-użu esklussiv tiegħu. Din l-akkuża kienet aggravata minħabba l-fatt li kien mitt metru bogħod minn post iffrekkwentat miż-żgħażagħ.
Meta fil-Qorti qam dubju dwar l-indirizz kurrenti tiegħu, id-Difiża qalet li t-tfajla tal-akkużat kienet fl-awla u setgħet tikkonferma fejn qed jgħix l-akkużat.
Il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace osservat li peress li l-mara kienet fl-awla waqt is-seduta, ix-xhieda tagħha ma tkunx valida.
Kien f’dan il-mument meta l-mara għajtet u qaltilha li diġà qalulha fejn kien qed joqgħod.
Il-Maġistrat mill-ewwel immultata tliet mitt ewro, u sakemm il-Qorti kitbet x’ġara, il-mara reġgħet għajtet u qalet li ma werżqitx.
F’dak il-mument, il-Maġistrat qaltilha li l-multa telgħet għal seba’ mitt ewro u rrimarkat li l-Qorti mhix is-Suq tal-Belt, u interruzzjonijiet ta’ dan it-tip jammontaw għal disprezz.
It-talba għall-ħelsien mill-arrest tal-akkużat ġiet miċħuda.