Tony Sammut, li jaħdem bħala software developer, ġie ordnat iħallas multa ta’ ħamest elef ewro, minħabba li waħħal is-sistema tal-GO, wara li niżżel ħafna numri tal-telefon minn fuq direttorju online.
Fil-Qorti Sammut kien akkużat li f’Ottubru tal-elfejn u sittax, uża kompjuter mingħajr permess sabiex jaċċessa xi informazzjoni jew ‘software’.
Barra minn hekk, huwa kien mixli wkoll li kisser kull miżura ta’ sigurtà bil-għan li jakkwista aċċess mingħajr permess sabiex jikseb aċċess għas-sistema tal-informatika kollha jew parti minnha.
Fil-Qorti sar magħruf illi l-kumpanija tat-telekomunikazzjoni għamlet kuntatt mal-akkużat u qaltlu li hemm xi traffiku mill-kompjuter tiegħu għal ġos-sit tal-GO.
Is-server tal-kumpanija GO kien waqa’ minħabba dan il-każ u riżultat ta’ dan, il-call centre tal-istess kumpanija ma setax jaqdi lill-klijenti.
Minn investigazzjoni li wettqet il-kumpanija sar magħruf li l-persuna li kienet qed tniżżel l-informazzjoni kienet qed tagħmel użu minn xi magna għaliex kienu qed isiru wisq tfittxijiet kull sekonda.
Għalhekk dan ma setax ikun possibbli li din il-biċċa xogħol kienet qed issir minn persuna mingħajr għodda.
Fil-Qorti sar magħruf li b’kollox saru ħamsa u sittin elf talba għan-numri tat-telefons.
Ġie spjegat ukoll li normalment isiru mitejn talba kuljum.
Min-naħa tiegħu l-imputat stqarr li hu ħoloq programm żgħir sabiex ikun jista’ jniżżel dawn id-dettalji minnu.
Saħaq li meta sar jaf li kien qed jaffettwa s-sistema, huwa naqqas il-veloċità li biha kien qiegħed iniżżel dawn in-numri tat-telefon.
Huwa ġie mblukkat mill-kumpanija GO, bil-għan li ma jkunx jista’ jerġa’ jidħol fis-sit.
Meta qieset il-provi, il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit ikkonkludiet li l-akkużat attakka s-sistema tal-GO, b’konsegwenza li din ma kinitx aċċessibbli għall-klijenti oħra.
Hija kkunsidrat ukoll li Sammut huwa espert fis-suġġett u messu kien jaf li s-sistema ma tiflaħx.