Fil-Qorti t’Għawdex it-Tlieta filgħodu tmien persuni ġew immultati dsatax-il elf u mitt ewro bejniethom b’rabta ma’ sewqan bla liċenzja u sewqan taħt l-effett ta’ alkoħol jew droga.
Dawn il-persuni tressqu l-Qorti wara li kienu twaqqfu waqt diversi kontrolli mill-Pulizija tul ix-xhur li għaddew b’rabta ma’ illegalitajiet varji waqt is-sewqan.
Barra mill-multi, sitt persuni kellhom il-liċenzja tas-sewqan sospiża għal-sena u żewġ persuni oħra għal sitt xhur.
Is-seduta kienet ippreseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud u l-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Josef Gauci.