Il-Qorti mmultat għaxart elef ewro lil Luke Mihalic, ta’ disgħa u għoxrin sena min-Naxxar, talli ppubblika kumment offensiv fuq Facebook fil-konfront ta’ persuni bid-Down’s Syndrome.
Il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace sabet lill-imputat ħati li għamel użu ħażin ta’ apparat elettroniku u tat-telekomunikazzjoni, iżda ħelsitu minn akkużi ta’ reat ta’ mibegħda, peress li dan kien għadu mhux reat fiż-żmien meta ttellgħet il-meme.
Il-meme ġiet ippubblikata fi grupp fuq Facebook imsejjaħ “Uncensored Jokes Malta” f’April tal-elfejn u għoxrin, u kellha l-intenzjoni li tinsulenta kategorija tal-popolazzjoni li għandha d-Down’s Syndrome.
Il-meme kellha stampa ta’ persuna mhux identifikata bid-Down’s Syndrome, li fuqha kellha miktub “Website is Down”, “Oooh, me too!”
Il-Kummissarju għall-Persuni b’Diżabilità ta’ dak iż-żmien, Oliver Scicluna, kien irrapporta lill-Pulizija, u qal li kien irċieva r-ritratt minn persuni li ħassewhom offiżi b’din l-istampa.
Il-Qorti kkonkludiet li meta l-akkużat tella’ r-ritratt, kien jaf x’qed jagħmel, u kienet l-intenzjoni tiegħu li jpoġġi din il-meme fuq il-midja soċjali li tirredikola lil persuni b’din id-diżabilità partikolari.