Xufier ta’ taxi li disa’ snin ilu weġġa’ persuna li kienet qed timxi f’Paceville kien immultat elf ewro.
Dan wara li nstab ħati li saq b’mod traskurat u għalhekk weġġa’ lil ċertu Ronald Dimech.
Il-vittma spjega kif kien sejjer id-dar wara l-quddies meta ra li t-triq kienet vojta u tajba biex jaqsam. Kien hemm biss taxi li dehret ipparkjata għax kellha d-dwal kollha mitfijin.
Iżda meta kien f’nofs tat-triq it-taxi saqet u tajritu, intqal fil-qorti. Il-vittma għamel ħames xhur l-isptar u l-Qorti qalet li l-verżjoni tal-vittma kienet iktar kredibbli minn tal-akkużat.
Il-Qorti nnotat kif il-każ dam ikarkar tmien snin meta l-uniċi xhieda kienu l-partijiet involuti u tliet tobba.