Il-belt ta’ Honolulu trid li twaqqaf dawk il-persuni li jkunu mexjin fit-triq u fl-istess ħin jużaw il-mowbajl.
Għalhekk, f’Ottubru se tkun qed tiġi introdotta liġi biex il-persuni li jkunu qed jaqsmu t-triq u jkunu distratti minħabba l-mowbajl jeħlu multa.
Il-multi jlaħħqu s-somma ta’ €90, b’dawk li jinqabdu jagħmlu dan għall-ewwel darba jeħlu €13. Din il-miżura se tidħol fis-seħħ għall-gżira ta’ Oahu, gżira li fuqha jgħixu aktar minn 80% tal-popolazzjoni tal-istat.
Huma l-maġġoranza tal-istati fl-Istati Uniti li ma jippermettux li s-sewwieqa jużaw il-mowbajl waqt is-sewqan iżda Honolulu, li għandu popolazzjoni ta’ madwar miljun persuna, se jkun l-ewwel li se jkun qed idaħħal din it-tip ta’ liġi li jipprojbixxi lil persuni li jkunu mexjin fit-triq milli jużaw il-mowbajl.
Iżda din il-liġi tippermetti li wieħed jagħmel jew jirċievi telefonata, għaliex wieħed jifhem li fl-istess ħin ikunu qed jaraw fejn mexjin.
Studju li sar fl-2013 mill-Journal of Safety Research kien propju sab li fl-2012 kienu 1,500 il-persuni li kienu involuti f’inċident minħabba li għamlu użu mill-mowbajl tagħhom waqt li kienu mexjin fit-triq.