Elton Theuma ġie mmultat €2,000 wara li nstab ħati b’rabta ma’ argument ma’ sewwieq ieħor, wara ħabta fi Triq l-Imdina, Ħal Qormi.
Ir-raġel, ta’ sebgħa u erbgħin sena ġie mixli li f’Marzu tal-2018 saq vettura b’mod perikoluż u traskurat u ikkaġuna ġrieħi fuq Yuksel Koyuncu.
Waqt li Koyuncu sostna li Theuma pprova jsuq għal fuqu, l-akkużat qal li l-vittma intefalu quddiem il-karozza xħin mar biex isuq.
Il-Maġistrat Nadine Lia, li semgħet il-każ, qalet li għalkemm m’hemmx dubju mill-għemil ta’ Theuma, ma rriżultax li pprova jikkaġunalu ġrieħi gravi kif akkużatu l-Prosekuzzjoni u għalhekk illiberatu minnha.
Hija sabet lil Theuma ħati taż-żewġ akkużi l-oħra u kkundannatu elf ewro multa talli kkaġuna ġrieħi ħfief u elf ewro oħra talli saq b’mod traskurat.