Meta ġie arrestat l-Albaniż Daniel Muka nstab liebes ġiżirana li tixbaħ ħafna lil dik li kien jilbes Christian Pandolfino.
Hekk spjega l-Ispettur James Grech hekk kif bdiet il-kumpilazzjoni tax-xhieda b’rabta mal-każ kontra Daniel Muka li qed ikun mixli bil-qtil ta’ Christian Pandolfino u Ivor Maciejowski f’darhom f’Tas-Sliema.
Huwa qed ikun akkużat ukoll b’serq ta’ deheb u oġġetti li l-valur tagħhom jaqbeż l-elfejn u tliet mitt ewro, li kellu fil-pussess tiegħu arma tan-nar mingħajr il-permessi neċessarji u li għamel użu minn vettura misruqa.
L-Ispettur Grech spjega kif fit-18 ta’ Awissu, Christian Pandolfino kien irritorna lura d-dar għall-ħabta tal-għaxra u għaxar minuti.
Fl-għaxra u tlettax-il minuta dehret vettura bajda tal-għamla Volkswagen Tiguan li bdiet iddur mal-blokka.
Spjega li xhud li kien qiegħed ipejjep fuq il-bejt ta’ daru fl-istess triq irrakonta mal-pulizija li huwa kien ra żewġ persuni joħorġu minn ġol vettura li waqqfet fil-kantuniera, u dawn ressqu lejn id-dar tal-vittmi.
Stqarr li x-xhud qalilhom li wara li nstemgħu l-isparaturi ħareġ mid-dar wieħed mill-aggressuri u resaq lejn il-karozza.
Hawnhekk it-tielet persuna ħarġet ukoll mill-karozza u daħlet fid-dar.
Ftit wara ħarġu mid-dar b’basket żgħir iswed b’ xhud ieħor pajżan rahom jaħarbu minn fuq ix-xena tar-reat bl-istess vettura bajda bil-pjanċi JET 082.
Il-pulizija rat li dawn il-pjanċi kienu jintużaw ukoll fuq karozza tal-għamla Peugot 107 għalkemm oriġinarjament kienu ta’ Karozza Seat Cordoba.
L-Ispettur kompla jgħid kif meta daħlu fid-dar sabu lil Christian Pandolfino mejjet fl-intrata tad-dar, liebes biss qalziet ta’ taħt u lil Ivor Maciejowski mejjet fis-sular ta’ fuq. Spjega kif b’kollox ġew sparati sitt tiri, b’ħamsa minnhom jolqtu lil Pandolfino u tir ieħor qatel lil Maciejowski. Fil-fatt il-pistola solevata waqt l-arrest ta’ Daniel Muka kienet tal-għamla ‘Glock’ u kien fiha ħdax il-balla fil-magazin. Din kienet indikattiva hekk kif b’kollox il-magazin ta’ din il-pistola jieħu sbatax-il balla.
Dwar il-vettura użata fir-reat, l-ispettur spjega li din kellha saqaf panoramiku u għalhekk setgħet tingħaraf faċilment fuq il-kameras tas-sigurtà. Stqarr li bil-filmati baqgħu jsegwuha sal-akwati tal-Isptar San Luqa, biex imbagħad fil-21 ta’ t’Awwissu nstabet f’parkeġġ ftit ‘il bogħod.
Fil-karozza nstabu bosta oġġetti li jorbtuha max-xena tar-reat, fosthom ingwanti, parrokka, ħwejjeġ li kienu lebsin il-persuni li wettqu d-delitt u żewġ armi tan-nar fittizji. Sabu wkoll flokk kaħlani mċappas bid-demm. Mit-testijiet forensiċi nstab li d-demm huwa dak tal-vittmi filwaqt li l-fuq il-flokk instabu traċċi tad-DNA ta’ Daniel Muka. Dan filwaqt li fil-vettura wkoll nstabu traċċi tal-marki tas-swaba ta’ Muka. Iċ-ċavetta ta’ din il-vettura nstabet f’vettura oħra tat-tip Peugot 207 li kienet mikrija għand Muka u li nstabet f’parkeġġ f’San Ġiljan magħruf bħala l-barriera.
L-Ispettur Grech kompla jispjega kif mill-kameras tas-sigurtà it-tliet persuni dehru ħerġin bil-mixi mill-parkeġġ biex imbagħad baqgħu neżlin lejn il-marina tal-Imsida u waqfu fuq ‘bus stop’. Hemmhekk wieħed mit-tlieta deher dieħel ġo ħanut tal-ikel u jkellem impjegat. IsSsurġent Josef Gerada fix-xhieda tiegħu spjega li meta staqsa lill-impjegat x’kien qallu Muka huwa spjegalu li dan staqsieh għall-password tal-Wifi tal-istabbiliment. Spjega kif huma telqu b’taxi tat-tip Seat Arona li kienet tgħajjat lit-tielet suspettat Jesper Kristiansen. Ritratt ippreżentat fil-Qorti juri lit-tliet suspettati fuq il-bus stop. Hawnhekk Daniel Muka jidher li kien liebes bħal faxxa mal-minkeb. Xi ħaġa li l-pulizija fl-għassa tal-Belt qalu li nnutaw lil Muka liebes l-istess faxxa meta kien imur jiffirma skont il-kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Qorti.
Fuq l-arrest ta’ Muka l-Ispettur Grech spjega li daħlitilhom informazzjoni li persuna twila kienet dehret tiftaħ katnazz u tidħol f’dar b’bieb aħdar fil-Floriana. Wara jiem tgħasses id-dar il-pulizija stabbiliet li fiha kien qed joqħod xi ħadd u hemmhekk għamlet ir-raid li wassal għall-arrest tas-suspettat ewlieni. Minn fuq il-post ġew solevati papoċċ bil-qiegħ imċappas bid-demm, numru ta’ mobiles, zewġ laptops, pendrive, ġiżirana u żewġt iċrieket fost l-oħrajn. Il-Qorti semgħet kif waqt l-arrest Muka kien liebes ġiżirana li tixbaħ ħafna lil dik li kellu Christian Pandolfino. Għal dan il-familjari preżenti rreaġixxew iddiżgustati.
L-Ispettur spjega wkoll kif minn investigazzjoni li saret fuq il-mobile ta’ Muka jidher li dakinhar li seħħ id-delitt il-mobile nqabad mill-antenna ta’ Portomaso fit-tmienja u tnejn u għoxrin minuta. Hemmhekk intefa’ u reġa’ inxtegħel wara li seħħ id-delitt fil-ħdax u erbgħa u għoxrin minuta qrib lukanda fil-Gżira.