L-Albaniż Daniel Muka ta’ 25 sena, li qal li jgħix il-Furjana, inżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti mixli bil-qtil ta’ koppja f’dar f’Tas-Sliema.
Hu u dieħel il-Qorti, huwa deher jitniżżel minn karozza u jiddaħħal bil-mixi fid-daħla tal-wara tal-Qorti.
Persuna li kienet hemm infexxet tgħajjat assassin.
Muka ġie arrestat nhar it-Tlieta f’operazzjoni li saret f’dar li tidher abbandunata fil-Furjana, magħrufa li tintuża bħala bejta tal-kriminalità.
L-Ispetturi James Grech u Colin Sheldon, li qed imexxu l-investigazzjonijiet f’dan il-qtil doppju akkużaw lil Muka li qatel żewġ persuni u li seraq deheb u oġġetti oħra mingħand il-vittmi, bil-valur jaqbeż l-elfejn u tliet mitt ewro.
Muka ġie akkużat ukoll li kellu fil-pussess tiegħu arma tan-nar mingħajr liċenzja tal-Kummissarju tal-Pulizija, li uża vettura li kien jaf li kienet misruqa u li seraq pjanċi ta’ karozza qabel seħħ l-omiċidju.
Quddiem il-Maġistrat Nadine Lia, Muka wieġeb mhux ħati. Huwa deher fl-awla liebes shorts, flokk u karkur. Fl-awla, Muka qal li xogħlu kien li jaħsel il-karozzi.
L-avukat difensur għamel talba sabiex il-klijent tiegħu jiġi eżaminat klinikament a u jingħata t-trattament li hemm bżonn. Qal li l-akkużat għaddej minn trawma. Il-Maġistrat laqgħet din it-talba.
Daniel Muka, qed jiġi meqjus bħala s-suspettat ewlieni f’dan l-omiċidju doppju li sar it-Tlieta 18 t’Awwissu.
Fil-bini tal-Qorti u barra kien hemm preżenza kbira ta’ uffiċjali tal-pulizija u Muka ġie eskortat lejn il-Faċilità Korettiva ta’ Kordin.