Christa Formosa, iż-żagħżugħa ta’ 23 sena mill-Iklin li kmieni dalgħodu kienet involuta f’inċident tat-traffiku f’Burmarrad, kienet ma’ sħabha tiċċelebra għeluq snin ħabibtha sa mumenti qabel seħħ l-inċident.
Ritratti fuq il-midja soċjali li ppubblikat hi stess sa sagħtejn qabel seħħ l-inċident, juru lill-vittma bi tbissima tgawdi l-ħajja meta żgur ħadd minn dawk l-aktar qrib tagħha ma seta bassar id-destin xejn sabiħ li kellha jistenniha.
Kienu bosta l-ħbieb taż-żagħżugħa li fuq il-midja soċjali esprimew sogħba għal din l-aħbar, u kitbulha messaġġi ta’ kuraġġ biex tkun b’saħħitha u tirbaħ il-battalja mal-mewt.
Christa tinsab f’qagħda kritika tiġġieled għal ħajjitha fit-Taqsima tal-Kura Intensiva fl-Isptar Mater Dei.