Mudell virtwali ġdid jagħti lok għal esperimentazzjoni virtwali fuq l-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni, li huwa wieħed mill-iktar postijiet delikati. Fil-fatt, ma jistgħux jidħlu fih aktar minn 70 ruħ kuljum.
Dan il-mudell virtwali ġdid se jagħti opportunità li jsiru esperimentazzjonijiet differenti fuq l-arja tat-tempju mingħajr ma jkun hemm riskju ta’ ħsara jew tibdil fl-arja reali tat-tempju li kien skopert fl-1902 u jixhed iċ-ċivilta li għebet eluf ta’ snin ilu. Dan hekk kif l-esperimenti jsiru fuq mudell fuq il-kompjuter tal-istess tempju li hu magħmul minn sensiela ta’ kmamar imħaffra fil-blat fuq tliet livelli.
Dan il-programm ma ntuża fuq l-ebda sit storiku f’pajjiżna. Barra minn xtutna xogħlijiet simili qed jiġu użati f’siti ta’ importanza storika bħad-Domus Aurea f’Ruma u l-għar ta’ Lascaux fi Franza.
Dr. Pierre Farrugia spjega kif dan il-mudell beda minn laser scan tal-Ipoġew li kien sar wara għotja mill-fondi Norveġiżi. Din l-iscan ġiet tranġata biex tkun użata għal mudell fil-kompjuter. Wara ittieħed kejl tat-temperatura, l-umditá u d-dijossidu tal-karbonju fl-ipoġew u din id-data miġbura ġiet analizzata:
“B’hekk stajna nagħmlu simulazzjoni li tatna it-temperatura u l-umdità fil-bqija tal-ipoġew. Wara analizzajna ir-riżultati. Qabbilnihom ma’ kejl li sar fil-ipoġew ta’ vera u rajna li kien hemm qbil tajjeb ħafna. B’hekk ikkonkludejna li l-mudell jirnexxielu jipproduċi tajjeb ħafna”.
Dan il-mudell kapaċi jġib ruħu bħas sit oriġinali, u għalhekk Dr. Farrugia spjega kif dan jagħmilha possibli li jsiru esperimentazzjonijiet virtwali fuq is-sit. Dan huwa utli speċjalment meta tikkunsidra l-fatt li l-persuni jarmu s-sħana u d-dijossidu tal-karbonju li jħallu effetti fuq is-sit. Għalhekk dan ma jħallihiex possibbli li jsiru dawn l-esperimentazzjonijiet fuq is-sit innifsu. Fil-futur dan il-proġett se jkun użat sabiex jiġi investigat l-effett tal-ammont ta’ nies li jidħlu f’dan is-sit għandu l-ħitan u s-soqfa ta’ xi kmamar impittra biż-żebgħa magħmula mill-okra ħamra:
“Ħaġa oħra li nixtiequ ninvestigaw hija kif l-kondensazzjoni u l-evaporazzjoni hija influwenzata mill-umdità. Dan il-proċess ġie investigat ftit ħafna s’issa eh u allura ir-riżultati li jistgħu joħorġu minn studju fuq fuq xi ħaġa bħal din ikunu ta’ importanza mhux biss għas-siti hawn Malta imma anke siti barra minn Malta”.
Dan il-proġett sar mill-Fakultá tax-Xjenza fl-Universitá ta’ Malta b’kollaborazzjoni ma’ Ħeritage Malta wara li kien student mill-istess Fakultá li bena l-bażi għal dan il-proġett meta għamel it-teżi tiegħu fuq dan il-mudell virtwali u għamel l-ewwel simulazzjonijiet.