Permezz ta’ mudell diġitali se jintefa’ iżjed dawl fuq sit arkeoloġiku fiż-Żejtun, li fi żmien ir-Rumani kien jintuża sabiex jingħasar iż-żebbuġ għaż-żejt taż-żebbuġa.
Il-President ta’ Wirt iż-Żejtun, il-Perit Ruben Abela spjega li dan is-sit li instab fis-sittinijiet, jikkonsisti minn fdalijiet u pedamenti tal-istruttura tal-Villa li kienet tinkludi parti industrijali fejn kien isir l-għasir taż-żebbuġ.
Huwa spjega: “Parti industrijali li hija direttament marbuta mal-għasir taż-żejt taż-żebbuġa. Nafu b’dan għax hemm apparat tal-ġebel li kien jintuża sabiex isir l-għasir taż-żejt taż-żebbuġa.”
Wirt iż-Żejtun flimkien ma Heritage Malta, id-Dipartment tal-Arkeoloġija fi ħdan l-Università ta’ Malta u għaqdiet oħra se tagħmel dan il-mudell bil-għan li tagħti għarfien ġdid dwar l-istorja marbuta mal-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa li huwa tant marbuta mal-belt taż-Żejtun.
Is-Sur Abela sostna: “ħa nkunu qed ntellgħu mudell 3D diġitali ta’ kif setgħet kienet il-villa. Jiġifieri mill-informazzjoni li ġabru l-arkeoloġiċi waqt l-iskavi ħa naraw kif setgħet kienet bħala volum u bħala taqsim tal-kmamar din il-villa partikolari.”
Apparti dan il-mudell se jkun qed jiġi produċut filmat b’rabta ma’ din l-istruttura Rumana li mhux ħafna jafu daqshekk fuqha.
Is-Sur Abela kompla jispjega: “B’dan il-mod il-pubbliku se jkun qed jifhem aħjar dak li se jkun qed jara fuq il-post u bl-imaġinazzjoni, ħa ngħidu hekk, ikun jista’ jimmaġina anke l-volumi permezz ta’ dal-media diġitali ta’ kif setgħet kienet il-Villa.”