Id-dimensja hija kundizzjoni li bħalissa huwa stmat li qed taffettwa aktar minn sitt elef ruħ f’pajjiżna. Din il-kundizzjoni tolqot lill-bniedem b’mod sħiħ għax minbarrai problemi marbuta mal-memorja taffettwa wkoll l-għemil ta’ dawk milquta.
Dan qalu l-Psikjatra David Mamo waqt l-indirizz tiegħu fl-ewwel konferenza nazzjonali dwar id-dimensja li ttellgħet fil-plenarja tal-Parlament.
“Din hija kundizzjoni li taffetwa lill-bniedem kollu. Taffetwa l-mod kif iħoss, jaġixxi, jagħmel l-affarijiet ta’ kuljum u anki kif imur man-nies ta’ madwaru mal-familja,” huwa qal.
Il-Professur Mamo kompla jispjega kif normalment huma dawk l-aktar qrib tal-persuna milquta mill-kundizzjoni li jindunaw bis-sintomi.
“Bħal pereżempju jgħidulek isma dan l-aħħar fil-milied indunajna illi speċita l-mama’ kienet qed tinsa ċerti affarijiet jew ma tagħrafx in-neputijiet. Imma meta naħsbu lura forsi anki s-sena l-oħra kien hemm xi sinjali zgħar. Billi s-sintomi huma aktar sottili ħafna drabi hekk jiġri.”
Spjega kif f’dawn il-każijiet huwa importanti ħafna s-sehem tal-familja: “Bħal ma fit-tfal meta jkun hemm problema ninvolvu l-familja, ninvolvu s-support structure fid-dimensja importanti li jkunj involut kulħadd U aħna s-soċjeta trid tiġi nvoluta wkoll.”
Spjega kif dawk bid-Dimensja jistgħu jiġu sfruttati u għalekk il-qraba m’għandhomx iħossuhom umiljati meta l-professjonisti jissuġġerixxu servizzi bħal tal-gwardjani legali jew interdett tal-pazjent.
Huwa b’dan il-mod biss li jista’ jiġi assigurat li dawk affettwati ma jiġux sfruttati jew misruqa mill-assi tagħhom. Kemm mill-qraba kif ukoll minn terzi persuni.
“Jekk persuna mhux kapaċi jieħu ċerta deċiżjonijiet bħal ma huma t-tfal tagħna pereżempju aħna nieħdu deċiżjonijiet għalihom. U hekk għandu jkun. Mhux sew li xi ħadd li mhux kapaċi jieħu deċiżjonijiet m’għandux lil min jagħmilhom b’mod formali,” sostna il-Professur Mamo.
Minn naħa tiegħu l-espert fuq l-anzjani Dr Marvin Formosa spjega kif ir-realtajiet inbidlu minn kif konna nafuhom fl-imgħoddi. Qal li s-servizzi komunitarji baqgħu importanti ħafna peress li l-qraba qed jonqsu milli joffru dawn is-servizzi lill-għeżież tagħhom.
“Jekk kien hemm in-nisa ma jaħdmux u jieħdu ħsieb iżjed pero llum in-nisa jaħdmu u m’għadhomx joqogħdu fejn ommijiethom. Ħafna jsiefru minħabba l-globalizazzjoni allura ovvjament is-servizzi komunitarji saru iżjed diffiċli,” saħaq il-Professur Formosa.
Fl-indirizz tiegħu l-Ministru Michael Falzon qal li d-dimensja hija xi ħaġa li ma tolqotx individwi iżda tolqot pajjiż sħiħ. Minn naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelis spjega kemm hu importanti li pajjiżna jkompli jħejji għal din il-kundizzjoni fid-dawl tal-fatt li sas-sena elfejn u ħamsin il-persuni li jbatu b’din il-kundizzjoni huwa stmat li se jirduppjaw.