Mal-55% tal-poplu Malti u Għawdxi għandu fiduċja assoluta fil-Prim Ministru Joseph Muscat. Dan irriżulta mill-aħħar stħarriġ tal-gazzetta MaltaToday.
Il-gazzetta tinnota li filwaqt li l-Prim Ministru Muscat ra żieda sostanzjali fil-fiduċja li jgawdi mill-poplu Malti, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia sofra tnaqqis ta’ żewġ punti perċentwali minn xahar ilu sa issa, biex Adrian Delia, issa jgawdi biss 17.8% tal-fiduċja tal-poplu Malti u Għawdxi.
Dan ifisser differenza ta’ kważi 37 punti perċentwali bejn il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista.
Il-gazzetta żżid tgħid li l-Prim Ministru Muscat igawdi aktar fiduċja mill-Kap Nazzjonalista f’kull reġjun tal-Gżejjer Maltin. Jidher li l-akbar daqqa ta’ ħarta għall-Partit Nazzjonalista kienet f’Għawdex, fejn ra tnaqqis ta’ 6.4% tal-appoġġ mill-pubbliku. Kuntrast qawwi mal-56.9% li jappoġġjaw lill-Partit Laburista.
Il-Partit Nazzjonalista kiseb ukoll l-agħar riżultat ta’ appoġġ għal din is-sena, bl-aħħar stħarriġ juri li għandu biss 20.2% appoġġ, filwaqt li l-Partit Laburista jgawdi minn 47.7%.
L-istħarriġ juri wkoll li Joseph Muscat għadu jgawdi l-fiduċja ta’ 97.2% tal-elettorat tal-2017, filwaqt li Delia qed igawdi biss minn 44.7%.
Intant, 1.9% tal-persuni li ħadu sehem f’dan l-isħarriġ tal-opinjoni pubblika qalu li m’għandhomx opinjoni dwar il-politika.