Mrs Nadine Cuschieri li ħadet it-titlu ta’ Mrs Malta 2021 is-sena li għaddiet, iddeċidiet li matul is-sena torganiżża numru ta’ attivitajiet li permezz tagħhom tiġbor fondi b’risq is-servizz SOAR tal-Fondazzjoni St Jeanne Antide. Iddeċidiet dan għax tirrikonoxxi l-impatt soċjali tas-SOAR fuq il-ħajja ta’ tant nisa u tfal li jġarrbu vjolenza domestika u fuq is-soċjetà Maltija.
SOAR huwa mmexxi minn nisa li, għal numru ta’ snin, ġarrbu t-tbatija ta’ vjolenza domestika. Għamlu minn kollox biex jibqgħu fir-relazzjoni – isapportew moħqrija mistura, għamlu sagrifiċċji kbar, ħbew ir-realtà li kienu qed isofru għax stħaw u beżgħu mill-ġudizzju tan-nies, imtlew bil-biżà u ansjetà bla waqfien dwar jekk hux ħa jirnexxielhom iħarsu lil uliedhom mill-inkubu ta’ moħqrija mill-persuna li suppost li tħobbhom, affaċċjaw nuqqas ta’ flus u faru bil-qtugħ ta’ qalb għax, meta fl-aħħar kellhom il-kuraġġ jitkellmu, ma twemmnux.
Minkejja dan kollu, is-SOAR huwa xhieda ħajja li tqawwi l-qalb minn ħajjiet mxaqqa, ħafna nisa qed jiksbu għajnuna mis-SOAR biex jibnu ħajja aħjar għalihom u għal uliedhom. Il-ħaddiema li jmexxu s-SOAR kisbu ħafna għajnuna, segwew taħriġ anka l-Ingilterra u illum qed jgħinu numru kbir ta’ familji jagħmlu l-istess minkejja l-intoppi li qatt ma jieqfu. Mis-sena 2012 sal-lum, is-SOAR għen mat-360 nisa li ġarru vjolenza domestika.