Malta Public Transport hija kburija li ser tipprovdi identity tags għat-trainers tal-Malta Service Dog Foundation. Dawn it-tags jagħtu lit-trainers il-possibiltà li jivvjaġġaw b’xejn waqt il-ħin tax-xogħol tagħhom.
Malta Public Transport qed tappoġġja lis-Service Dogs Malta Foundation fil-ħidma tagħha sabiex tgħin lill-persuni li għandhom problemi ta’ smigħ, awtistiċi, marbuta mas-siġġu tar-roti jew dijabetiċi sabiex jużaw is-servizz tat-trasport pubbliku.
Joanne Cremona, Public Relations Officer tas- Service Dogs Malta Foundation, stqarret li dan huwa ġest imprezzabbli ta’ għarfien u appoġġ lejn il-ħidma li jagħmlu f’isem il-familji li mis-servizz li jipprovdu dawn il-klieb.
“Huwa importanti li l-klieb li qed jitħarrġu jiġu kemm jista’ jkun esposti għal postijiet differenti sabiex ladarba jikkwalifikaw bħala service dogs u jiġu mqabbla ma’ klijent, ikunu jistgħu jakkumpanjawhom kull fejn jixtiequ mingħajr xkiel. L-ivvjaġġar fuq il-karozzi tal-linja huwa parti integrali minn dan it-taħriġ u d-disponibbiltà ta’ dawn it-tags tagħmilha aktar faċli għall-handlers tal-klieb biex ikomplu bix-xogħol tagħhom.”
“Malta Public Transport hija konxja tal-għajnuna kbira li s-service dogs jipprovdu lill-individwi bi bżonnijiet speċjali. Dawn l-annimali mħarrġa jżidu l-livell ta’ indipendenza filwaqt li jtejbu l-interazzjoni soċjali”, żied id-Direttur Kummerċjali tal-Malta Public Transport, Daniel Grech.