Il-mozzjoni li ressaq il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia fil-Parlament, biex l-omiċidju ta’ Daphne Caruana Galizia jkun diskuss b’urġenza, ma kellhiex tiġi aċċettata mill-Ispeaker. Dan qalu l-avukat ta’ esperjenza Joe Brincat f’opinjoni li dehret fil-ġurnal L-Orizzont tal-Ħamis.
L-Avukat Brincat spjega li meta jkun hemm investigazzjoni għaddejja mill-Pulizija li tista’ twassal biex persuna tkun mixlija b’reat, il-Parlament m’għandux jiddibatti dan kollu.
Huwa sostna l-argument tiegħu b’rapport dwar mozzjoni li kienet tressqet fl-Ingilterra mill-House of Commons u l-House of Lords dwar abbozz ta’ liġi fuq miżuri iebsa dwar it-terroriżmu.
Dr Brincat spjega: “L-ispeaker, kien mhux biss raġonevoli, kien qed jimxi skont il-liġi, għaliex il-parlament u jkwalinkwe bniedem f’awtorita ma jistax jitkellem dwar każ f’kumpilazzjoni.”
Brincat fakkar ukoll f’każ lokali fejn l-ex Prim Ministru Eddie Fenech Adami kien ġie mwiddeb mill-Qrati Maltin u Ewropej propju għax qabeż il-limitu.
Huwa sostna: “Hemm il-każ famuż ta’ Malta, meta l-PM għamel press conference u fiha qal kif żewġ imħallfin x’għalu u ma min tkellmu qal li issa se nressquhom il-Qorti. Il-qorti kostituzzjonali Maltija qalet li nkisru d-drittijiet fundamentali tagħhom.”
F’każ ta’ dibattitu, ma kien ikun hemm ebda kontroll effettiv fuq x’jingħad fil-Parlament, partikolarment jekk l-abbozzi msemmija jkunu tressqu wara li saru l-arresti meħtieġa għax jista’ jkun hemm domanda parlamentari li titlob informazzjoni li jista’ jippreġudika l-każ u jxekkel iċ-ċans ta’ smigħ xieraq. Dan speċjalment jekk ikun każ jew suġġett li qed jaffaċċja skrutinju partikolari anke mill-midja.
Għalhekk, spjega Brincat, ‘Adrian Delia fil-borom ta’ Simon Busuttil ried iħawwad kawlata ta’ proċeduri parlamentari. Kemm il-Prim Ministru, li wiegħed li jsir dibattitu xorta waħda, u kemm l-Ispeaker, ma setgħux iħallu l-Parlament isir qisu xi qorti għax kull kumment li jingħad jista’ jkun żbaljat.
L-Avukat temm jgħid li b’talba bħal din jidher li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista nesiet li teżisti s-separazzjoni tal-poteri u fuq kollox, is-saltna tad-dritt- li dak li jaqa’ taħt il-Qrati ma jagħtix vot jew ġudizzju lill-Parlament.