Matul ix-xahar ta’ Frar, għaddew mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta rekord ta’ erba’ mija, erbgħa u sebgħin elf u erba’ mija u erba’ passiġġieri, tkabbir ta’ iżjed minn ħamsa u għoxrin fil-mija fit-traffiku meta mqabbel mal-istess xahar tas-sena l-oħra.
Fl-istess perjodu, l-Ajruport, li reġa’ ġie kklassifikat fost l-aqwa, irreġistra żieda ta’ kważi tnejn u għoxrin fil-mija fil-moviment tal-ajruplani, filwaqt li meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena 2023, il-postijiet disponibbli fuq it-titjiriet żdiedu b’aktar minn ħamsa u għoxrin fil-mija.
L-Italja żammet postha bħala l-aktar suq importanti għall-MIA, tant li kienet responsabbli għal tnejn u għoxrin fil-mija tat-traffiku kollu tal-passiġġieri. Wara ġew ir-Renju Unit, li rreġistrat tkabbir ta’ tletin fil-mija, il-Ġermanja u l-Polonja rispettivament.
Min-naħa l-oħra, Spanja niżlet fil-ħames post fil-lista tal-aktar swieq importanti, b’5% tal-moviment tal-passiġġieri matul ix-xahar ta’ Frar.
Sadanittant l-Ajruport Malti wkoll ħabbar l-iskeda tiegħu għas-sajf fejn se jiġu introdotti titjiriet diretti lejn Belfast, Edinburgh, Norwich, Tallinn u Basil, filwaqt li se tkun qed tiżdied ukoll il-frekwenza lejn diversi destinazzjonijiet minn u lejn Franza, l-Italja u r-Renju Unit.
Fil-kategorija tal-ajruporti Ewropej tad-daqs tiegħu, l-MIA reġa’ ġie onorat bil-premju tal-aqwa ajruport mill-Airports Council International għas-sitt sena konsekuttiva. L-ajruport ukolkiseb punteġġ ta’ 4.38, Għall-prestazzjoni tiegħu fl-2023, fl-indiċi tas-sodisfazzjon tal-passiġġiera.
Il-passiġġiera taw punteġġi b’saħħithom lill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, tant li kiseb riżultati ogħla mill-medja fil-maġġor parti tal-34 indikaturi. L-indikaturi li dwarhom saret l-evalwazzjoni tul l-2023 kienu jvarjaw mill-ambjent u l-indafa fit-terminal, għall-korteżija tal-impjegati u l-faċilità biex passiġġier jimxi minn post għall-ieħor fl-ajruport.