Il-prinċipji…din hija d-differenza kbira li tifred lil moviment Laburista minn ħaddieħor.
Dan iddikjarah il-Prim Ministru Joseph Muscat meta fisser kif il-moviment wera x’ried ifisser meta għajjatna l-aqwa żmien għax huwa moviment li jemmen f’pajjiżu u f’niesu:
Ħaddieħor jinġarr mal-ftit mewġ skont fejn jonfoħ ir-riħ b’populiżmu tal-għamla tiegħu. Aħna jmexxuna l-prinċipji.
Huwa fisser kif il-fiduċja ssarfet f’ġid li jitqassam u jinħass mingħand kulħadd. Dan hekk kif din is-sena hija l-ewwel sena fl-istorja ta’ pajjiżna li ma żdieditx taxxa waħda, l-iktar rata ta’ qgħad baxxa fl-istorja, bix-xogħol jiġri wara n-nies u mhux in-nies jiġru wara x-xogħol.
Kellna diġa’ ekonomija li kibret, iżda urejna li tista’ tikber aktar. Mill-aqwa saret aqwa. Għalhekk min kien ħaseb li wasalna għidnilu li ma wasalniex. Għax dejjem tista tagħmel iktar. Dejjem tista tikseb iktar. Dawn ir-riżultati waħedhom ma jkun ifissru xejn jekk ma jinħassux fost il-familji u n-negozji. L-essenza tal-moviment tagħna qed tinħass bil-kbir meta f’ħames snin biss dawwarna trend ta’ nies jiżdiedu fil-faqar, għal tnaqqis fil-faqar sena wara l-oħra.
Joseph Muscat iddeskriva l-partit laburista bħala partit ta’ aspirazzjoni li ta lura l-festi pubbliċi li jaħbtu fi tmiem il-ġimgħa, żied il-benefiċċji bħal in-work benefit u l-pensjonijiet, żieda fit-trattamenti u anke l-mediċini b’xejn bhal f’każi tal-kanċer.
għax is-suċċess tagħna huwa s-suċċess tagħkhom huwa s-suċċess tagħna. Għax is-success ta’ Malta huwa frott il-bżulija ta’ niesha.
Hawnhekk tenna li għal darboħra, qed nintalbu biex bħala moviment nieħdu pożizzjoni:
Aħna l-vuċi ta’ dak ir-raġel li jrid isir missier. Il-vuċi ta’ dik il-mara li trid issir omm. Aħna l-vuċi ta’ dawk it-trabi li huma fortunati li se jsibu jilqagħhom fid-dinja ġenituri li kienu lesti jbatu daqstant għalihom biex jagħtuhom il-ħajja. Kif kont lest li nkun waħdi nitkellem għad-drittijiet tal-minoranzi fil-passat, hekk lest li nerġa’ nkun waħdi llum. Iżda, naf li intom ma ħallejtunix waħdi dakinhae u m’intomx se tħalluni waħdi llum.
Quddiem l-attakki ta’ ħaddieħor, ħeġġeġ biex ningħaqdu dejjem aktar:
Dan huwa dak li ma jridx ħaddieħor u dan huwa dak li se ntuh. Mhux firds iżda għaqda. Mhux ħitan iżda pontijiet. Mhux mibegħda iżda mħabba
Żied ifakkar x’inhu l-legat li l-moviment qed jikteb flimkien:
Dan huwa l-legat li qed niktbu flimkien. Ekonomija b’saħħitha. Xogħol għal kulħadd. Ġid jitqassam ma’ kulħadd. Tnaqqis fil-faqar. Servizz tas-saħħa mill-aqwa. Pajjiż ugwali li jagħti opportunita’ lil kulħadd juri l-imħabba tiegħu lejn il-familja tiegħu. Ħafna jgħiduli għamiltu ħafna. Jien nibqa’ ngħid – fadlilna ħafna x’nagħmlu flimkien.
Huwa temm jappella biex il-poplu jħares ‘il quddiem, sabiex inkomplu nwassalu għal Malta isbaħ u aktar b’saħħitha:
Malta hija dik iż-żagħżugħa li trid xogħol aħjar. Malta hija dik il-mara li trid trabbi l-uliedha f’ambjent aħjar. Malta hija dak ir-raġel bieżel li jaħdem, iżda li jrid biżżejjed ħin ma’ familtu. Malta hija dik l-anzjana u anzjan li jrid pensjoni biżżejjed biex ikun jista’ jferraħ lin-neputijiet. Malta hija dawk il-ġenituri li jridu joffru dar komda lill-uliedhom. Malta hija dak l-investitur li qed jara f’din il-gżira potenzjal li tikber u tkun ċentru ta’ attivita’ kummerċjali f’teknoloġiji tal-futur.
Din hija Malta li ħlomt biha 10 snin ilu. Din hija Malta tal-Aqwa Żmien. Din hija Malta ta’ Għada, temm il-Prim Ministru Joseph Muscat.