Bejn il-Ġimgħa 10 u l-Ħadd 12, is-sewwieq tal-F4 Racing Zachary David saq u kklassifika fl-ewwel post fiż-żewġ tiġrijiet fil-Formula Winter Series (FWS) f’Barċellona, Spanja. David jsuq b’Liċenzja Maltija maħruġa mill-Malta Motorsport Federation.
David beda il-karriera tiegħu fil-Formula 4 ftit xhur ilu biss u għandu prospetti eċċellenti għall-futur tiegħu fi ħdan l-isport. L-aħħar riżultat kbir kien ir-rebħ tal-klassi tiegħu fl-Emirati Għarab Magħquda.
David qal, “tħossok tajjeb li tkun lura fl-Ewropa u nippreparaw għat-tiġrijiet li ġejjin; li jmiss, se nkunu Valencia għat-taħriġ.”
L-avveniment beda b’żewġ tiġrijiet ta’ kwalifikazzjoni; fl-ewwel tiġrija, il-karozza kienet kemxejn instabbli; madankollu, dan ma qatgħax qalb David, li xorta spiċċa fit-tielet pożizzjoni. Bil-karozza rranġata u David ippreparat sew għat-tieni tiġrija, David mar tajjeb, qabeż liż-żewgt sewwieqa l-oħra u spiċċa fl-ewwel post.
Waqt l-ewwel tiġrija uffiċjali, David beda f’forma tajba mit-tielet pożizzjoni, tant li fl-ewwel dawra, għalkemm mhux fil-kundizzjonijiet ideali għadda għat-tieni post. It-tellieqa kienet diffiċli u kellha toħroġ darbtejn is-safety car. Wara t-tieni safety car, għal darb’oħra David kellu bidu tajjeb ħafna u mar fil-vantaġġ. David żamm ritmu tajjeb, ħa ħsieb l-kundizzjoni tat-tyres sal-aħħar, rebaħ it-tellieqa u għamel l-aktar dawra veloċi.
Għat-tieni tiġrija, David beda mill-ewwel post, kellu bidu tajjeb, reġa ħa ħsieb il-kundizzjoni tat-tyres meta kulħadd kien qed jipressa. Fl-aħħar dawriet, David kellu vantaġġ tajjeb. Għal darb’oħra, David rebaħ it-tellieqa, u għamel l-iktar dawra veloċi, għalkemm it-tellieqa ntemmet aktar kmieni milli kien mistenni minħabba bandiera ħamra.
Fi tmiem il-ġimgħa David se jkun fiċ-Circuit de Spa-Francorchamps fil-Belġju għall-aktar taħriġ. It-tiġrija uffiċjali li jmiss hija f’Imola fit-23 ta’ April, l-ewwel rawnd tal-Kampjonat Taljan F4.
Dawk li jixtiequ jsegwu lil Zachary David jistgħu jagħmlu dan fuq; https://www.instagram.com/zachdavidracing/