Permezz ta’ wirja qalbiena u ta’ karattru, u wara żewġ telfiet konsekuttivi, Mosta rritornaw għar-rebħ meta rebħu d-derby tat-tramuntana hekk kif għelbu lil Naxxar Lions bl-iskor ta’ 1-0 bil-goal uniku għalihom fil-partita jasal ħames minuti minn tmiem l-ewwel taqsima.
Kienet partita kollox ma’ kollox bilanċjata, fejn għalkemm ħarġu fuq in-naħa telliefa, li kieku Naxxar ħarġu mill-ground b’riżultat ta’ draw, żgur li ma kienu jisirqu xejn, speċjalment b’dak li pproduċew fit-tieni taqsima.
B’hekk Mosta wettqu tpattija sportiva fuq Naxxar wara li lejn l-aħħar ta’ Awwissu li għadda, fl-Opening Round, kienu l-Lions li ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 2-1.
M’hemmx dubju li issa bdiet jew aħjar kompliet tixgħel il-bozza ħamra għal Naxxar hekk kif din kienet proprju l-ħames telfa konsekuttiva għalihom fil-kampjonat u t-tmien waħda in fila mingħajr rebħa.
Naxxar Lions kellhom lil Degran Jackson sospiż, iżda għalihom irritorna fl-azzjoni, iż-żagħżugħ Neil Pace Cocks, wara li serva logħba sospensjoni.
Kienu Naxxar li ħolqu l-ewwel periklu wara biss ħames minuti meta xutt fil-baxx minn pożizzjoni ideali ta’ Angulo Bolanos irriżulta bħala kemmxejn fraġli u ġie salvat mingħajr wisq diffikultá mill-goalkeeper ta’ Mosta, David Udoh Akpan.
Huma komplew fuq l-offensiva u fit-22 minuta xutt fil-baxx kważi minn tarf il-kaxxa tal-Ġappuniż Takuma Yamaguchi għadda jħakkek ma’ sieq il-wieqfa.
Man-nofsiegħa logħob, il-coach ta’ Mosta Joseph Grech kellu jaffettwa sostituzzjoni sfurzata meta weġġa’ għalihom il-player Sunday Okereke, biex minfloku daħal jilgħab is-sostitut Joshua Agyemang.
U din is-sostituzzjoni malajr ħalliet il-frott mixtieq hekk kif kien proprju l-player mill-Ghana, JOSHUA AGYEMANG, li fetaħ l-iskor għall-Mostin fl-40 minuta, meta wara li rċieva minn cross preċiż fil-baxx huwa kien fil-post it-tajjeb fil-mument opportun u pemezz ta’ tap-in minn taħt il-lasta tefa’ ġewwa.
Naxxar wieġbu fil-45 minuta eżattament qabel tmiem l-ewwel taqsima permezz ta daqqa ta’ ras sabiħa ta’ Edson Cerqueira Farias li ħarġet l-aħjar ta’ Akpan li dawwar f’corner b’mod stupend.
Il-pressjoni kienet kollha fuq Naxxar u fil-ftuħ tat-tieni taqsima ħarġu ferm aggressivi fit-tentattiv ovvju li jġibu l-iskor indaqs u fit-63 minuta Maicon De Silva Souza, kellu x-xutt minn taħt il-lasta tiegħu li għadda ftit għoli, b’Mosta jeħilsuha ħafif.
Mosta wieġbu erba’ minuti wara u kellhom ferħa bla temma meta Giancarlo Goncalves minn taħt il-lasta tefa’ ġewwa, iżda r-referee Trsutin Farrugia Cann kien pront u ħassar dan il-goal minħabba li ġġudika li huwa kien jinsab proprju f’pożizzjoni ta’ offside.
U propju fid-69 minuta, Naxxar tilfu ċans tad-deheb li jġibu l-iskor indaqs meta daqqa ta’ ras mill-viċin tas-sostitut Hugo Dos Santos ħarġet l-aħjar ta’ Akpan li dawwar f’corner b’mod spettakolari biex salva goal ċert.
Naxxar komplew fuq l-attakk iżda sabu difiża ferm kumpatta u organizzata Mostija li annullat għal kollox l-attakki tagħhom, b’Mosta jkomplu jamministraw il-vantaġġ minimu li kellhom sa tmiem il-partita.
Referee: Trustin Farrugia Cann
Plejer tal-Logħba: Edson Cerqueira Farias (Naxxar L.)