Mosta kisbu rebħa drammatika ta’ 1-0 kontra Valletta meta għelbuhom bl-iskor minimu ta’ 1-0, b’dan ir-riżultat ikompli jikkonferma staġun mill-aktar diżappuntanti għal Valletta.
Kienet partita li setgħet tmur kull naħa, madankollu, Mosta għarfu jagħmlu l-iżjed ħaġa importanti, jiġifieri jsibu x-xibka, proprju lejn l-aħħar mumenti tal-partita.
Kienu Valletta li ħolqu l-ewwli periklu fit-12-il minuta meta xutt mid-distanza ta’ Brandon Paiber għadda barra.
Mosta wieġbu seba’ minuti wara meta xutt mid-distanza ta’ Armen Hovhanissjan ġie mdawwar f’corner bi bravura mill-goalkeeper ta’ Valletta, Jake Galea.
Il-Beltin reġgħu ħolqu l-periklu fl-40 minuta meta Jhonnattann Benites ittanta xortih permezz ta’ ta’ xutt mid-distanza wara li nnota li l-goalkeeper ta’ Mosta David Udoh Akpan kien barra minn postu iżda dan tal-aħħar dawwar f’corner b’diffikultá.
Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, Valletta komplew fejn ħallew lejn tmiem l-ewwel waħda u fil-50 minuta rebħu penalty meta Jake Vassallo waqqa’ lil Brandon Paiber fil-kaxxa. Mill-11-il metru inkariga ruħu Diego Cardoso li iżda ra lill-goalkeeper ta’ Mosta David Udoh Akpan isalva bi bravura.
Mosta wieġbu 10 minuti wara meta Willie Britto xeħet cross li sab lis-sostitut Jamie Xerri li mill-viċin tefa’ barra.
Huma komplew jippressaw u fis-66 minuta, Linus Precious Tenebe approfitta minn żball ta’ Jake Galea iżda kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu quddiem lasta vojta tintemm barra.
Mosta skorjaw il-goal tar-rebħa fil-ħin mijżud meta minn azzjoni ta’ corner mil-lemin minn Damian Anene, il-ballun ġie devjat għand Henry Nwoga li minn taħt il-lasta tefa’ ġewwa, fost id-delirju ta’ ferħ tal-partitarji numerużi Mostin.
Referee: Slobodan Petrovic
BOV Plejer tal-Logħba: David Udok Akpan (Mosta FC)