Mosta ħasdu lil Hamrun S. meta għelbuhom bl-iskor ta’ 2-1 biex ikkastigaw lil Hamrun għat-tieni telfa konsekuttiva fil-kampjonat wara t-telfa ta’ 1-0 kontra Gzira United fil-partita preċedenti.
Ta’ nota huwa l-fatt li għal Hamrun ma bdewx mal-ewwel 11, iż-żewġ players internazzjonali Luke Montebello u Ryan Camenzuli, kif ukoll Mayron, b’tal-ewwel jidħol jilgħab fil-ftuħ tat-tieni taqsima fejn ħa post il-player Joseph Essien Mbong, b’Camenzuli jiġi utilizzat mas-siegħa logħob fejn ħa post Mattias Ellul. Waqt li Mayron daħal jilgħab fid-90 minuta minflok il-captain Steve Borg.
Interessanti wkoll kien il-fatt li t-terna arbitrali kienet komposta minn żewġ aħwa – Ishmael Barbara bħala referee u ħuħ Ezekiel Barbara bħala raba’ uffiċjal.
Hamrun ħolqu l-ewwel periklu fit-13-il minuta meta daqqa ta’ ras mill-viċin ta’ Raphael Lopes Silva ġiet imdawra f’corner mill-goalkeeper ta’ Mosta, Jorgen Demba.
Iżda kienu Mosta li fetħu l-iskor mill-azzjoni li segwiet fuq in-naħa l-oħra tal-pitch mal-kwarta logħob, meta GIANCARLO GONCALVES approfitta bis-sħiħ minn back-pass erratiku ta’ Joseph Essien Mbong, avvanza tajjeb, baqa’ dieħel fil-kaxxa u b’xamma kbira għall-goal tefa’ l-ballun wara l-goalkeeper internazzjonali ta’ Hamrun, Henry Bonello.
Huma komplew fuq l-offensiva u fid-19-il minuta, daqqa ta’ ras mill-viċin ta’ James Arthur ġiet imdawra f’corner minn Bonello. Mill-corner li rriżulta, rovexxjata mill-isbaħ ta’ Souleymane Kone minn taħt il-lasta stampat mal-mimduda, b’Hamrun jeħilsuha ħafif.
Il-pressjoni kienet kollha fuq Hamrun u fit-23 minuta, wara li rċieva minn cross fil-baxx, Joseph Essien Mbong tefa’ inkredibbilment għoli. Huma komplew fuq l-offensiva u fis-37 minuta kienu ferm sfortunati li ma ġabux l-iskor indaqs meta Raphael Lopes Silva kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu mill-viċin tistampa mal-wieqfa.
Iżda kienu Mosta li rebħu penalty fl-44 minuta meta ż-żagħżugħ Mattias Ellul miss il-ballun b’idu filkaxxa. Mill-11-il metru inkariga ruħu l-ispeċjalista Clayton Failla li madankollu ra t-tentattiv tiegħu salvat bi bravura minn Bonello, bid-difiża ta’ Hamrun tikklerja l-ballun f’sigurtá.
Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, Hamrun ħarġu ferm aggressivi u fis-56 minuta resqu viċin li jġibu l-iskor indaqs iżda Clayton Failla kien strumentali għal Mosta meta salva bir-ras minn fuq il-linja fatali tentattiv ieħor bir-ras ta’ player ta’ Hamrun.
Hamrun komplew jiddettaw il-logħob u fit-68 minuta meritatament ġabu l-iskor indaqs permezz ta’ daqqa ta’ ras mill-viċin tal-player internazzjonali tal-Bolivja, CESAR MENACHO, b’dan ikun l-400 goal matul dan l-istaġun fil-Malta Premier.
Hamrun komplew jippressaw u fl-74 minuta Raphael Lopes Silva kellu x-xutt mid-distanza tiegħu salvat parzjalment mill-goalkeeper ta’ Mosta, Jorgen Demba, biex mir-rebound Menacho tefa’ għoli.
Iżda kontra x-xejra tal-logħob kienu Mosta li skorjaw il-goal tar-rebħa fid-79 minuta meta tentattiv minn freekick insidjuż ta’ Failla ma nżammx sew minn Bonello, bi STEPHEN CHIEMEZIE mir-rebound ikun pront u mill-viċin spara ġewwa, biex tefa’ lill-partitarji Mostin f’delirju ta’ ferħ.
Hamrun tefgħu kollox fuq l-attakk u fid-90 minuta freekick insidjuż fil-baxx tal-Kroat Roko Prsa intemm ftit barra.
Iżda kienu Mosta li komplew jamministraw il-vantaġġ minimu li kellhom sa tmeim il-partita.
Referee: Ishmael Barbara
Plejer tal-Logħba: Cesar Menacho (Hamrun S.)