Mosta kisbu tliet punti prezzjużi meta għelbu lil Melita bl-iskor ta’ 2-0, biż-żewġ goals għalihom jaslu fit-tieni taqsima.
Iż-żewġ tiimjiet niżlu bl-aqwa formazzjoni possibli, hekk kif għal Melita rritorna minn sospensjoni, il-player Marc Van De Font Bovenkamp.
Kienu Melita li ħolqu l-ewwel periklu fl-14-il minuta meta Gonzales avvanza tajjeb fil-kaxxa u venven xutt fil-baxx li ġie salvat tajjeb mill-goalkeeper ta’ Mosta, David Udoh Akpan.
Huma komplew jiddettaw il-logħob u fit-22 minuta Matthew Debattista kellu xutt b’saħħtu li ġie salvat parzjalment minn Akpan, bil-ballun jintemm għand Yepes li mill-viċin tefa’ ftit barra.
Mosta wieġbu għall-ewwel darba fit-43 minuta meta Steephen Chiemezie avvanza tajjeb fil-kaxxa u minn pożizzjoni angolata venven xutt b’saħħtu, bil-ballun iżda jintemm barra.
Fil-45 minuta reġgħu kienu Melita li ħolqu l-periklu meta xutt ta’ Karl Mohnani minn ġol-kaxxa għadda ftit barra.
Mosta fetħu l-iskor fit-52 minuta meta xutt ta’ NATHAN AGIUS minn barra l-kaxxa ħasad għal kollox lill-goalkeeper ta’ Melita, Lubik, li ħarablu l-ballun minn idu u spiċċa fix-xibka.
Melita wieġbu fil-61 minuta permezz ta’ xutt sabiħ ta’ Perlaza li ntemm ftit għoli.
Iżda kienu Mosta li resqu viċin li jirduppjaw l-iskor tmien minuti wara meta Souleymane Kone avvanza max-xellug, għadda tajjeb lejn Giancarlo Goncalves li mill-viċin tefa’ għoli.
Huma komplew jiddettaw il-logħob u fil-81 minuta rduppjaw l-iskor meta GIANCARLO GONCALVES avvanza tajjeb fil-kaxxa u minn qagħda angolata spara l-ballun għar-rokna tax-xibka.
Mosta komplew jamministraw il-vantaġġ doppju li kellhom sa tmiem il-partita.
Referee: Fyodor Zammit
Plejer tal-Logħba: David Udoh Akpan (Mosta FC)