Mosta dawru telfa f’rebħa ta’ 3-1 kontra Hibernians biex b’hekk kisbu tliet punti prezzjużi fit-taqtiegħa tagħhom li staġun ieħor jilagħbu mal-elite tal-football lokali jiġifieri fil-Kampjonat BOV Premier. B’hekk issa wara din it-telfa, it-tamiet ta’ Hibernains li jilagħbu fl-Ewropa huma ferm remoti u kważi impossibli.
Hibernians għamlu l-intenzjonijiet tagħhom ċari mal-ftuħ tal-partita u fis-sitt minuta rebħu penalty meta l-goalkeeper ta’ Mosta David Udoh akpan waqqa’ lil Rodney Antwi fil-kaxxa. Mill-11-il metru inkariga ruħu Alex Bruno Da Souza Silva li ma żbaljax hekk kif permezz ta’ xutt fil-baxx tefa’ l-ballun naħa u lil Akpan in-naħa opposta.
Huma komplew fuq l-offsnsiva u fit-18-il minuta, Jurgen Degabriele kellu x-xutt tiegħu mill-viċin li ħareġ l-aħjar ta’ Akpan, hekk kif salva bi bravura.
Fuq in-naħa l-oħra tal-pitch, minuta biss wara, Armen Hovhannisyan għall-Blues kellu l-konklużjoni tiegħu minn pożizzjoni ideali li ġiet salvta minn mal-art mill-goalkeeper ta’ Hibernians, Hugo Sacco, li f’din il-partita kien qed jieħu post l-eks goalkeeper mill-Guinea, Ibrahim Kone, li fil-jiem li għaddew sar magħruf li kien intemmlu l-kuntratt mal-Pawlisti.
Huma komplew jiddettaw il-logħab u ta’ dan ġew ippremjati meta fis-36 minuta ġabu l-iskor indaqs meta Gustavo Adolfo Chara Valois b’kordinazzjoni mill-aqwa, ikkontrolla tajjeb u minn tarf il-kaxxa tefa’ l-ballun wara Sacco.
Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, Hibernains, ħarġu ferm aggressivi fit-tentattiv ovvju li jerġgħu imorru fil-vantaġġ u fis-57 minuta, iż-żagħżugħ Lucas Caruana spara xutt mid-distanza li ġie salvat f’corner bi bravura minn Akpan.
Huma komplew fuq l-offensiva u fit-62 minuta, Rodney Antwi, minn pożizzjoni angulata minn ġol-kaxxa tefa’ għoli.
Iżda kontra x-xejra tal-logħob kienu Mosta li qalbu l-iskor favurihom fit-73 minuta, meta s-sostitut Thomas Tegwi permezz ta’ xutt fil-baxx minn ġol-kaxxa, tefa’ l-ballun fir-rokna tax-xibka, fost id-delirju ta’ ferħ tal-partitarji numerużi Mostin.
Huma komplew jipproduċu l-isbaħ logħob u ta’ dan ġew ippremjati meta fis-87 minuta, issiġillaw ir-rebħa permezz tat-tielet goal meta s-sostitut Jean Paul Farrugia b’xamma kbira għall-goal u minn pożizzjoni ideali spara l-ballun fir-rokna tax-xibka.
Il-pressjoni kienet kollha fuq Hibernians u fil-ħin sussegwenti tefgħu kollox fuq l-attakk u fid-90 minuta kienu sfortunati li ma naqsux il-marġni tal-iskor wara li laqtu żewġ lasti konsekuttivi.
Mosta komplew jamministraw il-vantaġġ doppju li kellhom sa tmiem il-partita.
Referee: Ishamel Barbara
BOV Plejer tal-Logħba: Thomas Tegwi (Mosta FC)