Wara li kienu goal minn taħt, Mosta għelbu lil Santa Lucia bl-iskor ta’ 2-1 biex temmew fir-raba post tal-klassifika b’46 punt, fejn madankollu fadlilhom tama li jiksbu post fl-Ewropa jekk jirbħu l-IZIBET FA Trophy.
Dan ir-riżultat fisser ukoll li Santa Lucia temmew l-istaġun fit-tielet post mill-aħħar, bi 15-il punt u se jkunu qed jilagħbu kontra min jispiċċa t-tielet fiċ-Challenge League, jiġifieri Tarxien Rainbows jew Zejtun Corinthians.
Kienu Santa Lucia li ħolqu l-ewwel periklu fil-11-il minuta meta Robert Hehendosh quddiem lasta vojta kellu t-tentattiv tiegħu devjat f’corner minn difensur avversarju.
Mill-corner li rriżulta, RODOLFO SOARES għola tajjeb u approfitta minn indeċiżjoni fil-ħarġa tal-goalkeeper ta’ Mosta, Ini Etim Akpan, u mill-viċin permezz ta’ daqaa ta’ ras preċiża tefa’ ġewwa.
Il-Luċjani komplew fuq l-offensiva u żewġ minuti biss wara, Jan Tanti, għadda tajjeb lejn il-captain Jurgen Pisani li kellu x-xutt tiegħu salvat b’saqajh minn Akpan.
Mosta wieġbu fis-16-il minuta meta Christ Ememe kellu xutt angolat fil-baxx salvat mill-goalkeeper ta’ Santa Lucia, Matthew Calleja Cremona, wara li ntefa’ minn tulu fl-art.
Il-partita kompliet tisbieħ u fl-20 minuta il-Luċjani kienu għoddhom irduppjaw l-iskor meta xutt minn tarf il-kaxxa ta’ Robert Hehendosh ġie salvat minn mal-art minn Akpan.
Mosta reġgħu ħolqu l-periklu fit-38 minuta meta Kaishu Yamazaki kellu l-konklużjoni pjuttost ċentrali tiegħu salvata minn Calleja Cremona. Huma komplew jippressaw u minuta wara, Michael Chidera Okoh minn taħt il-lasta tefa’ għoli.
Fl-40 minuta, Santa Lucia, qalgħu daqqa ta’ ħarta meta spiċċaw jilagħbu b’10 players meta tkeċċa għalihom l-Olandiż Sebastian Thomas Rier wara li rċieva żewġ karti sofor fil-partita, bit-tieni waħda jirċeviha wara foul li kkommetta fuq Boubakary Diarra.
Mill-freekcik li rriżulta, minuta biss wara, l-ispeċjalista Clayton Failla, kellu t-tentattiv tiegħu jintemm ftit għoli.
Fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima, Christ Ememe, xeħet corner li sab lil-captain Tryone Farrugia li kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu minn taħt il-lasta tgħaddi ftit għoli.
Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, Mosta ħarġu ferm aggressivi fit-tentattiv ovvju li jġibu i-iskor indaqs u fid-49 minuta, kienu sfortunati meta Kaishu Yamazaki kellu x-xutt tiegħu mid-distanza jistampa mal-wieqfa, b’Calleja Cremona megħlub għal kollox u l-Luċjani jeħilsuha ħafif.
Huma komplew jiddominaw u fid-59 minuta ġabu l-iskor indaqs meta Christ Ememe xeħet cross fil-baxx fid-direzzjoni ta’ MICHAEL CHIDERA OKOH, li mill-viċin spara l-ballun fix-xibka.
Fit-63 minuta, Clayton Failla dejjem għal Mosta kellu x-xutt tiegħu minn barra l-kaxxa salvat minn mal-art minn Calleja Cemona.
Mosta meritatament skorjaw il-goal tar-rebħa fis-70 minuta meta ZACHARY BRINCAT ġie wick imb’wiċċċ ma’ Calleja Cremona u żmarkat tefa’ ġewwa, biex skorja l-10 goal tiegħu matul dan l-istaġun.
Santa Lucia wieġbu fid-79 minuta permezz ta’ xutt mid-distanza tas-sostitut Kyrian Nwoko li iżda għadda ferm għoli.
Referee: Slobodan Petrovic