Mosta ħasdu lil Hibernians meta għelbuhom bl-iskor minimu ta’ 1-0. Kienet partita li fiha r-riżultat seta’ jmur kull naħa, b’Hibernians fost oħrajn jolqtu l-lasta kmieni fit-tieni taqsima, iżda Mosta għarfu jagħmlu l-aktar ħaġa importanti, jiġifieri jsibu x-xibka.
Ta’ nota huwa l-fatt li qabel il-partita, il-player ta’ Hibernians Jurgen Degabriele ingħata bukkett fjuri kommemorattiv fl-okkażjoni tat-300 partita uffiċjali tiegħu bil-flokk ta’ Hibernians.
Mosta fetħu l-iskor proprju fl-ewwel periklu li ħolqu fl-10 minuta meta l-captain Zachary Brincat kellu x-xutt tiegħu salvat parzjalment mill-goalkeeper ta’ Hibernians, Pablo Sanchez, biex mir-rebound, JOSHUA AGYEMANG, tefa’ ġewwa.
Hibernians wieġbu man-nofsiegħa logħob meta xutt ta’ Rodrigo Fraga ġie salvat bi bravura mill-goalkeeper ta’ Mosta, David Udoh Akpan.
Il-pressjoni kienet kollha fuq Hibernians u fil-ftuħ tat-tieni taqsima ħarġu ferm aggressivi u fis-47 minuta Alfred Silas indirizza cross li sab lil Jurgen Degabriele li kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu mill-viċin tistampa mal-wieqfa, b’Mosta jeħilsuha ħafif.
Iżda kienu l-Blues li resqu viċin li jirduppjaw l-iskor żewġ minuti biss wara meta Giancarlo Goncalves avvanza tajjeb fil-kaxxa u wiċċ imb’wiċċ ma’ Sanchez, tefa’ inkreddibilment barra.
It-tim minn Raħal Ġdid wieġeb fis-57 minuta permezz ta’ xutt minn barra l-kaxxa tas-sostitut Ayrton Attard li ġie salvat tajjeb minn Akpan.
Huma komplew jiddettaw il-logħob u fit-68 minuta, Rodrigo Fraga ttanta xortih permezz ta’ xutt mid-distanza li ntemm għoli.
Kulma jmur kompla d-dominju ta’ Hibernians u fid-79 minuta freekick tal-ispeċjalista Giannis Bastianos intemm għoli.
Mosta komplew jamministraw il-vantaġġ minimu li kellhom sa tmiem il-partita.
Referee: Ezekiel Barbara
Plejer tal-Logħba: Joshua Agyemang (Mosta FC)