L-aħbar li l-attakkant tal-Arġentina u Barcelona, Lionel Messi, irtira mit-tim nazzjonali ħasdet lil ħafna u ġabet reazzjonijiet varji, inkluż ta’ numru ta’ ġurnalist sportivi.
Fost il-pubbliku sportiv qamet il-mistoqsija jekk l-aġir ta’ Lionel Messi huwiex wieħed ta’ champion jew inkella ta’ wieħed ta’ tellief. Jew inkella forsi xejn minn dan. Tkellimna ma’ tliet ġurnalisti ta’ esperjenza.
Fl-ewwel reazzjoni tiegħu, il-ġurnalist Rodney Vassallo stqarr li mhux qed nitkellmu dwar plejer kwalunkwe, iżda fuq l-aqwa plejer tad-dinja fl-aħħar snin.
Spjega li din f’din id-deċiżjoni kien hemm element qawwi ta’ rabja ta’ Messi wara li tilef it-tielet finali tal-Copa America ma’ pajjiżu fl-aħħar tliet snin.
“Wieħed iżda jrid jifhem li kull plejer ikollu t-tragwardi u l-miri tiegħu, u wara l-fuq minn 100 logħba bil-flokk tal-Arġentina wasal f’punt fil-karriera fejn forsi qed jara li l-futur tal-Arġentina mhuwiex daqshekk ċar, u bħala plejer b’mentalità rebbieħa, bil-vizzju tal-unuri ma’ klabb bħal Barcelona, jidher evidenti li l-għatx għas-suċċess f’dan il-plejer għadu kbir, u qed jara li forsi jkun aħjar għalih li jikkonċentra fuq li jġib aktar unuri bil-flokk ta’ Barcelona.”
Fi kliem Antvin Monseigneur, għal Messi, l-aħħar finali tal-Copa America kienet tħoll u torbot. Kompla jgħid li d-deċiżjoni ta’ Messi li ma jibqax jilbes il-flokk tal-Arġentina żgur li se tħalli vojt kbir.
“Messi huwa meqjus bħala l-aqwa plejer fid-dinja, biss ejja niftakru li l-futbol baqa’ għaddej anke wara li waqfu bost plejers meqjusa l-aqwa fid-dinja, bħal Pele, Maradona, u oħrajn.”
Min-naħa tiegħu, il-ġurnalist Peter Paul Gauci qal li filwaqt li Messi mdorri jirbaħ mal-klabb ta’ Barcelona, man-Nazzjonal ma jsbix l-ambjent li joħroġ l-aħjar tiegħu. Fakkar kif diversi eksplejers tat-tim nazzjonali kkritikawh għall-prestazzjonijiet li kien ikollu. Gauci jemmen li din id-deċiżjoni se ttawwal il-karriera tiegħu mal-klabb għaliex ikollu ċans iżjed għall-mistrieħ.