Il-Partit Nazzjonalista emenda l-istatut biex irregola b’mod ġdid l-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit.
Bl-emenda li saret se jkun iktar diffiċli biex jekk ikun hemm elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista jidħol xi ħadd minn barra kif kien għamel Adrian Delia.
Il-ħsieb hu li jekk jiġri hekk tkun iktar diffiċli għal dan il-kandidat biex jasal sal-vot tat-tesserati.
Fil-fatt minflok tneħħa d-dritt tal-vot tat-tesserati kif kien hemm min xtaq saret bidla li twassal biex il-Kunsill Ġenerali jgħarbel b’mod iktar fin l-għażla li jibgħat għand it-tesserati b’mod li jkun xi ħadd ta’ ġewwa li x’aktarx jirbaħ il-vot.
Ġie rrappurtat kif filwaqt li s-sistema ta’ qabel kienet twassal biex il-Kunsill Ġenerali tal-Partit jagħżel żewġ kandidati mill-kandidati kollha biex imbagħad il-membri tal-partit jagħżlu bejniethom, permezz tal-emendi li ddaħħlu baxx baxx, is-sistema nbidlet f’waħda fejn il-membri jagħtu l-preferenza tagħhom bin-numri.
Dan ifisser li l-vot jintiret u b’hekk min iġib l-iżjed voti tal-ewwel preferenza fl-elezzjoni mhux neċessarjament isir il-Kap tal-Partit Nazzjonalista.
B’hekk bis-sistema l-ġdida, l-inqas kandidati popolari jkunu eliminati bil-vot tagħhom jintiret mill-kandidat li ngħata t-tieni preferenza.
Dan sakemm jifdal biss żewġ kandidati.
Il-gazzetta rrappurtat kif uffiċjal għoli fil-Partit Nazzjonalista kkonferma li l-emendi ġew addottati nkiss inkiss mill-Kunsill Ġenerali iżda din is-sistema ġabet ukoll rabja fost l-uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista.
Il-gazzetta kompliet tirrapporta kif membru tal-Kunsill Ġenerali li qiegħed fil-Kumitat Sezzjonali fil-11-il distrett stqarr kif din is-sistema issa ser twassal biex il-membri żgur jagħżlu lil xi ħadd minn ġewwa.
Huwa nnota kif kieku din is-sistema daħlet fl-2017, Delia ma kienx isir Kap.
Fil-fatt, uffiċjal għoli ieħor kien kwotat jgħid li din il-bidla nżammet mistura minħabba li hija waħda Makjaveljana mmirata biss biex tagħlaq il-bieb lil persuni minn barra l-partit mingħar ma tidher li qed twaqqafhom milli jikkontestaw.