L-agenzija tar-ratings internazzjonali, Moody’s ikkonfermat ir-rating ta’ Malta bħala A2, waqt li sostniet li dan ir-rating għandu outlook stabbli. Dan jikkuntrasta ma’ numru sostanzjali ta’ pajjiżi Ewropej, fosthom Franza, l-Estonja, l-Litwanja, l-Latvja, c-Czechia u l-Islovakkja li għandhom outlook negattiv fuq ir-rating tagħhom. Ma’ dawn wieħed jista’ jżid ukoll l-Istati Uniti tal-Amerika li wkoll għadhom kemm ingħataw outlook negattiv fuq ir-rating tagħhom.
L-esperti tal-Moody’s sostnew li pajjiżna huwa “an economy that is dynamic, wealthy and diversified”. Fil-fatt pajjiżna dejjem jiġi fuq ta’ quddiem fejn tidħol rata ta’ tkabbir ekonomiku.
Ir-rapport tal-Moody’s jgħid li minkejja s-sitwazzjoni internazzjonali xejn sabiħa, l-ekonomija Maltija mistennija tibqa tikber bis-saħħa. Dan l-aktar minħabba domanda nterna li hija qawwija, suq tax-xogħol b’saħħtu kif ukoll livell tajjeb ta’ investiment.
Minbarra hekk, mistenni li tkompli tiżdied l-esportazzjoni anke jekk is-sitwazzjoni globali mhux tajba. Fil-fatt, ir-rapport jgħid li s-settur turistiku irkupra sentejn qabel previst u qed jaqbeż sewwa l-livelli ta’ qabel il-pandemija. Dan l-aktar minħabba diversifikazzjoni kemm fis-swieq kif ukoll grazzi għal niċċeċ ġodda, fosthom it-turiżmu reliġjuż u dak għal gastronomija. Jissemma l-fatt li f’pajjiżna hawn 35 ristorant li qegħdin fuq il-gwida Michelin.
Fattur ieħor li jfaħħru l-esperti tal-Moody’s huwa l-iżvilupp positiv fl-oqsma tal-gaming u tas-servizzi finanzjarji. Minkejja li l-Opposizzjoni kemm-il darba sostniet li l-operaturi qed jitilqu minn pajjiżna, r-rapport tal-Moody’s jindika eżatt l-oppost.
Barra minn hekk l-istabbilità tar-rating huwa dovut għall-immaniġġjar tajjeb tal-finanzi pubbliċi. L-esperti internazzjonali jfaħħru s-sostenn li ta u qed ikompli jagħti lil Gvern tant li jgħidu li f’Malta kien hawn “comprehensive policy response”. Huma jikkonfermaw l-fatt li d-defiċit huwa akbar minn snin oħra minħabba l-pakkett ta’ għajnuniet sostanzjali lill-familji u negozji. Imma kontra dak li ssostni l-Opposizzjoni l-esperti ma humiex inkwetati fuq id-dejn nazzjonali.
Tant li fir-rapport jingħad li “despite the severity of the pandemic shock followed by the current energy crisis, Malta’s debt-to-GDP ratio remains lower than its prior 2011 peak (70%).”
Intant, b’rabta ma’ dan ir-rapport pożittiv għal pajjiżna, irreaġixxa l-Prim Ministru Robert Abela hekk kif fuq Twitter tenna li nnota l-kuntrast ta’ dak li jgħidu l-esperti ta’ Moody’s fil-konfront ta’ pajjiżna meta mqabbel ma’ pajjiżi oħra.
While others are given negative outlooks, Moody's kept Malta's outlook as stable. They argue that our economy will remain strong despite global uncertainty, note our "comprehensive policy response" and state our debt will remain below its 2011 peak. – RA
— Robert Abela (@RobertAbela_MT) November 22, 2023