Wara li f’Lulju li għadda l-aġenzija Moody’s għolliet ir-rating ta’ pajjiżna għall-ewwel darba fi 11-il sena, fi credit opinion li ħarġet fil-11 ta’ Frar ikkonfermat ir-rating ta’ pajjiżna bħala A2 “stable”.
Din ifisser li Moody’s hija t-tielet aġenzija ta’ kredtu li kkonfermat ir-rating ta’ pajjiżna mill-bidu ta’ din is-sena. Dan meta skont l-Oppożizzjoni pajjiżna għaddej minn riċessjoni “Made in Malta”.
B’kuntrast l-esperti tal-Moody’s jgħidu li Malta għandha “track record of strong economic growth in recent years and elevated per capita income levels”.
Fil-fatt huma jbassru li fl-2019 l-ekonomija Maltija kibret b’5.1% li skont huma “would represent the highest rate of growth in the EU”. Fis-snin li ġejjin l-esperti internazzjonali jbassru li l-ekonomija Maltija ser tibqa’ tikber aktar mill-medja Ewropea. Dan għaliex jemmnu li s-suq tax-xoghol ser jibqa’ b’sahhtu b’ “unemployment at record lows and employment continuing to grow”.
Skont il-credit opinion tal-Moody’s qed ibassru li “strong growth and government surpluses set to continue driving fall in government debt”. Kontra dak li jbassru xi wħud, l-esperti internazzjonali qed jistennew li s-surplus tal-Gvern jibqa’ qrib il-1% tal-ġid nazzjonali fl-2020 u b’hekk id-dejn nazzjonali jinżel għal kważi 40%. Ta’ min ifakkar li fl-ewwel kwart tal-2013 il-piż tad-dejn nazzjonali kien qabeż is-70%.
Fuq il-ħatra ta’ Dr Robert Abela bħala Prim Ministru r-rapport tal-Moody’s jgħid li “we expect this to lead to a broad continuity of economic and fiscal policy, while Abela has also reconfirmed the government’s commitment to tackle Malta’s institutional challenges.” Barra minn hekk, filwaqt li nnotaw li l-Partit Laburista għandu maġġoranza assoluta fil-Parlament u allura ma hawnx riskji politiċi, l-Moody’s jgħidu li “if the PM were to call snap elections to seek a new mandate, we would expect the Labour party to retain its majority”.
Kontra ta’ dak li ssostni l-Opposizzjoni, l-aġenzija internazzjonali tgħid li l-istituzzjonijiet u l-governanza huma “in line with peers”, u jirriflettu “a robust policy framework”. Barra minn hekk Moody’s jgħidu li jemmnu li l-Gvern ser ikun qed jindirizza l-isfidi istituzzjonali u jkompli jsaħħaħ l-operat tal-awtoritajiet. Fost oħrajn ir-rapport issemmi ż-żidiet fil-baġit li ngħataw ir-regolaturi finanzjarji u l-FIAU, filwaqt li jilqa’ t-twaqqif ta’ Financial Organised Crime Agency.
Wara li tat upgrade lil pajjiżna ftit xhur ilu, l-aġenzija Moody’s kkonfermat ir-rating gholi ta’ pajjiżna għal darb’ohra. B’hekk fi żmien xahar pajjiżna rċieva tliet ċertifikati pożittivi mingħand aġenziji internazzjoni indipendenti. Il-Gvern huwa kommess li jaħdem biex din il-fiduċja tissarraf f’aktar investiment barrani u għalhekk dan iwassal għal ġid akbar għall-familji u n-negozji tagħna.