L-aġenzija internazzjonali ta’ kreditu, Moody’s, poġġiet lil Malta fuq quddiem nett fejn jidħol tbassir ta’ tkabbir ekonomiku għal din is-sena. Dan hekk kif l-esperti ta’ din l-aġenzija qed jaraw tkabbir li jersaq lejn it-tlieta punt ħamsa fil-mija (3.5%), meta l-medja Ewropea mistennija tkun ta’ ftit aktar minn wieħed fil-mija (1%).
B’hekk l-ekonomija Maltija mistennija tikber bi tliet darbiet u nofs iżjed ir-rata osservata fil-bqija taż-Żona Ewro. L-ekonomiji l-kbar kollha Ewropej, ħlief għal Spanja, mhux mistennija jikbru b’iżjed minn wieħed fil-mija (1%) din is-sena u hi biss Malta li għandu jkollha tkabbir ta’ aktar minn tlieta fil-mija (3%).
Fost il-fatturi li jitkellmu fuqu l-ekonomisti ta’ Moody’s jispikka l-użu tal-fondi Ewropej. Huma biss il-Lussemburgu, l-Italja u l-Estonja li mistennija jkollhom allokazzjoni ta’ fondi Ewropej relattivament aktar minn Malta din is-sena.
Grazzi għal dawn il-fondi, l-esperti ta’ Moody’s qed jistennew li jkun hemm proġetti kapitali li jiswew l-ekwivalenti ta’ bejn 2% u 3% tal-ġid nazzjonali ta’ pajjiżna.
Dan jispjega għalxiex, bil-maqlub ta’ dak li kien jiġri taħt Gvern Nazzjonalista, l-investiment pubbliku se jibqa’ sostnut bis-saħħa taħt il-Gvern attwali, immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela.
Minkejja dan, pajjiżna xorta se jkollu tnaqqis fid-defiċit li hu ferm aktar mill-medja taż-Żona Ewro. Din is-sena d-defiċit se jkun qed jiżdied f’disa’ pajjiżi, waqt li f’Malta dan se jerġa’ jonqos. Ma’ dan, hu biss f’pajjiżna, u sa ċertu punt fil-Greċja, fejn it-tnaqqis fid-defiċit mhux se jkun minħabba miżuri ta’ awsterità fejn ukoll qed jitnaqqas is-sostenn lill-familji u n-negozji fil-kriżi tal-enerġija.
Skont Moody’s, ċerti pajjiżi se jesperjenzaw impatti negattivi kbar fl-ekonomija minħabba tneħħija tas-sussidji.
Pereżempju, fis-Slovakkja mistenni jkun hemm impatt li jaffettwa ħażin l-ekwivalenti ta’ aktar minn tnejn fil-mija (2%) tal-ġid nazzjonali rispettiv. Anke fil-Ġermanja se jkun hemm impatt qawwi ta’ madwar 1% tal-ġid nazzjonali.
Bil-kontra, f’Malta, fejn il-Gvern qed iżid tali appoġġ, il-piż tad-dejn xorta se jibqa’ fost l-inqas fiż-Żona Ewro u taħt it-thresholds permessibbli fl-Unjoni Ewropea.