Għall-ewwel darba fi 11-il sena l-aġenzija ta’ kreditu internazzjonali Moody’s għolliet il-klassifikazzjoni ta’ Malta minn A3 għal A2.
F’rapport dettaljat fejn ġie studjat bir-reqqa l-andament ekonomiku ta’ pajjiżna, Moody’s sostniet li kien hemm 2 fatturi prinċipali għala għolliet il-klassifikazzjoni ta’ pajjiżna.
“Malta saħħet is-sistema fiskali tagħha permezz ta’ qafas ta’ politika fiskali”, irrimarkat l-aġenzija li hija magħrufa li ma tħares lejn wiċċ ħadd.
Moody’s qalet ukoll li fattur ieħor għal dan it-titjib ġej minn prospetti sbieħ għall-aktar tkabbir ekonomiku.
L-esperti tal-Moody’s innutaw ukoll kif minn piż rekord ta’ 70% tal-ġid nazzjonali fl-elfejn u ħdax, is-sena d-dieħla il-piż tad-dejn pubbliku mistenni jonqos għal 40%. B’rizultat ta’ dan it-titjib, il-piż tal-imgħax fuq id-dejn naqas bin-nofs.
Fir-rapport li jsegwi ieħor eċċellenti ta’ Fitch tal-ġimgħa l-oħra, Moody’s sostniet li t-tnaqqis fil-piż tad-dejn nazzjonali kien dovut għat-tkabbir ekonomiku li wassal għal żieda fid-dħul tal-Gvern. Huma nnuttaw ukoll li l-ispiża tal-Gvern inżammet taħt kontroll.
Moody’s tkellmu wkoll b’mod pożittiv dwar ir-riformi importanti li daħħal il-Gvern. “Malta saħħet il-qafas tat-tmexxija tal-finanzi pubblici, fosthom it-twaqqif ta’ Kunsill Fiskali kif ukoll wettqet skrutinji dwar nefqiet f’diversi oqsma”, qalu l-esperti ta’ Moody’s.
L-esperti nternazzjonali rrimarkaw ukoll fuq it-titjib fil-qagħda tal-kumpaniji pubbliċi, speċjalment l-Enemalta u l-Air Malta, fejn dawn issa saru jagħmlu profitt u d-dejn tagħhom tnaqqas sew.
Qalu wkoll li mqabbel ma’ pajjiżi Ewropej oħra, Malta se jkollha tkabbir ekonomiku ferm aktar għoli.
Dan f’kuntest fejn l-industrija tat-turiżmu kompliet tkun waħda b’saħħitha ferm u sostnew li għad fadal iktar prospetti pożittivi għal din l-istess industrija.
Dwar l-infrastruttura, Moody’s ukoll innutat titjib qawwi.
L-aġenzija tkellmet b’mod pożittiv dwar l-investiment qawwi li qed isir fit-toroq u anki l-miżuri li bdew jittieħdu fil-qasam tal-housing soċjali.
Fi stqarrija, il-Gvern qal li huwa kommess li jkompli jaħdem biex pajjiżna jikseb riżultati dejjem aħjar bil-għan li l-ġid jibqa’ jinħoloq u jasal għand kulħadd.