L-Għaqda ta’ Ħbiberija bejn Malta u ċ-Ċina u l-Ambaxxatur Ċiniż għal Malta organizzaw attività biex jitfakkru l-ħamsin sena minn mindu bdew ir-relazzjonijiet diplomatiċi bejn il-pajjiżi.
Waqt din l-attività, li saret f’Ġnien is-Serenità f’Santa Luċija, inkixef monument fl-għamla ta’ id kbira b’għasfur żgħir se jtir minn fuq wieħed mis-subgħajn.
Għall-attività attenda, fost l-oħrajn, il-Ministru għal-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ, Ian Borg, li ta ħarsa lejn l-iżvilupp tar-rabtiet bejn il-pajjiżi tul l-aħħar ħames deċenji.
Huwa spjega kif, permezz ta’ din ir-relazzjoni, s’issa ġew iffirmati aktar minn sittin ftehim f’diversi oqsma differenti.
Minkejja d-distanza bejn il-pajjiżi nibtet relazzjoni ta’ dinamiżmu, koperazzjoni, u rispett. Frott ta’ dan żdiedet il-koperazzjoni politika, ekonomika, u kulturali.
Il-Ministru Borg fakkar kif Malta uriet is-sodifazzjon tagħha meta kienet magħżula biex tospita l-ewwel Ċentru Kulturali Ċiniż fil-Belt Valletta.
Borg esprima l-ħerqa tiegħu sabiex din ir-relazzjoni bilaterali tkompli tikber u tħalli l-frott tagħha fiż-żewġ pajjiżi għall-ġid komuni taċ-ċittadini.
Għall-attività kien hemm preżenti wkoll is-Sindku ta’ Santa Luċija, Charmaine St John, u l-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar, Stefan Zrinzo Azzopardi.
L-Ambaxxatur Ċiniż għal Malta, Yu Dunhai, faħħar ir-rispett reċiproku bejn iż-żewġ pajjiżi, u qal li dan kien wieħed mis-sigrieti li wasslu biex ir-relazzjonijiet diplomatiċi jiffjorixxu. Sostna li, minkejja d-differenzi fid-daqs, fl-istorja, u fil-kultura tagħhom, Malta u ċ-Ċina dejjem jimxu ma’ xulxin b’rispett u b’sens ta’ ugwaljanza.
F’kumment ma’ dan l-istazzjon, il-President tal-Għaqda ta’ Ħbiberija bejn Malta u ċ-Ċina, Reno Calleja, qal li l-għan ewlieni meta twaqqfu r-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi kien li l-ekonomija Maltija tinbidel minn waħda dipendenti fuq il-militar għal waħda stabbli bbażata fuq it-turiżmu u l-industrija.
Calleja stqarr, “Meta kont żagħżugħ jien kellna ħolma: illi Malta minn strument ta’ gwerra ssir strument ta’ paċi. Mhux faċli għax biex iddawwar l-ekonomija minn waħda tiddependi fuq il-militar għal fuq waħda bbażata fuq it-turiżmu u l-industrija ma kinitx faċli. Imma, bis-saħħa taċ-Ċina u pajjiżi oħra, pereżempju l-Libja, li għenitna ħafna… l-aktar iċ-Ċina għenuna ħafna biex din il-ħolma ġiet realizzata.”