Int u dieħel il-Ħamrun min-naħa tal-Blata l-Bajda, quddiem il-kappella ta’ Sidtna Marija tal-Midalja Mirakoluża, issa se ssib jilqgħek monument ġdid tal-bronz iddedikat lil San Gejtanu, patrun u protettur tal-Ħamrun.
Ix-xogħol artistiku, li sar fuq disinn tal-artist Ramon Camilleri McKay, inawgurah is-Sindku tal-Ħamrun, Christian Sammut, u bierku l-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona.
Ix-xewqa li jsir dan il-monument kienet ilha s-snin, u issa twettqet bil-ħidma tal-kunsill lokali flimkien mal-Ħamrun Liberty Sezzjoni Festa.
Il-monument ġie inawgurat iilbieraħ filgħaxija waqt serata li kienet tinkludidiskorsi mill-Prof. Ray Mangion u mis-soċju tal-MUSEUM Joe Borg, qari ta’ kitbiet ta’ Anselm Sciberras u Anton Buttigieg, u siltiet mużikali eżegwiti mill-Cappella Diacono taħt id-direzzjoni tas-Surmast Ray Sciberras.
Indaqqew ukoll l-Innu Popolari ‘Xerrdu l-Ferħ’, l-antifona ‘Querite Primum’, u l-kanzunetta ‘Innu lill-Kbir Gejtanu’, li tkantat minn Rosabelle Bianchi.