It-tmexxija ta’ Montekristo Estates ipprovat tneħħi uħud mill-annimali tal-park tal-annimali tagħhom. Dan wara deċizjoni li ttieħdet minn Charles Polidano wara t-tieni inċident li seħħ fil-park, ftit tax-xhur ilu, fejn safa ferut tifel ta’ ħames snin.
Il-konsulent Legali ta’ Montekristo, l-avukat Jean Paul Sammut ikkonferma ma’ one.com.mt li d-Dipartiment tal-Animal Welfare intalab japprova t-trasferiment ta’ tliet jaguars, erba’ tigri, u żewġ iljuni. Il-jaguars kellhom jingħataw lil kollezzjonist privat f’Malta u l-annimali perikolużi l-oħra kellhom ikunu trasferiti f’ zoo fl-Italja.
Madanakollu, ix-xahar li għadda d-dipartiment tal-animal welfare ma laqatx it-talba għal dawn it-trasferimenti.
L-avukat Sammut stqarr magħna li minkejja li fil-passat ittieħdu l-miżuri ta’ sigurta kollha biex ma jkunx hemm inċidenti fil-park, xorta weġgħu żewġt itfal f’ Novembru tas-sena li għaddiet u f’ April li għadda.
Huwa fakkar li l-missier tal-aħħar inċident daħal fiz-zoo ma’ ibnu bla permess u li mexa lejn il-gaġġeġ tal-iljuni minkejja li ż-żona kienet magħluqa bit-tape.
Għaldaqstant Charles Polidano iddeċieda li ma jridx ikompli jżomm il-qtates eżotiċi, għaliex fi kliemu, mhijiex kwistjoni ta’ miżuri ta’ sigurta min-naħa tiegħu biss li hija meħtieġa, imma ir-responsabilità min-naħa tal-pubbliku, li mhix qed tkun preżenti daqs kemm hu meħtieġ.