Goal uniku skurjat minn Luke Montebello wara siegħa logħob kien biżżejjed biex Hamrun Spartans iwarrbu l-isfida ta’ Balzan u jerġgħu jitilgħu jaqsmu l-ewwel post tal-klassifika ma’ Floriana.
Hamrun fetħu sa minn kmieni fuq l-attakk u fit-3 minuta cross ta’ Talison Barboza deher jaħbat mal-lasta l-wieqfa qabel ma l-ballun ġie kklerjat f’corner.
Fis-17-il minuta freekick mogħti minn Barboza ġie mxellef minn difensur bil-ballun jaħbat għal darb’oħra mal-lasta l-wieqfa biex mir-rebound Luke Montebello xxuttja għoli minn qagħda tajba.
Azzjoni oħra perikoluża mill-Ispartans waslet fit-22 minuta b’xuttijiet mill-qrib ta’ Barboza jiġu mblukkati mid-difensuri Balzanin. Rega’ kien Barboza li nkariga ruħu minn freekick ieħor fis-37 minuta iżda x-xutt tiegħu niżel fuq is-saqaf tax-xibka u spiċċa barra.
Lejn tmiem l-ewwel taqsima Balzan sfurzaw tliet corners wara xulxin f’mumenti fejn id-difiża Hamruniża wriet daqsxejn inċertezza imma Balzan naqsu milli japprofittaw.
Fit-tieni taqsima Hamrun issuktaw jiddominaw u dehru li marru fil-vantaġġ fis-56 minuta meta Raphael Lopes Silva sab ix-xibka wara xogħol tajjeb ta’ Marcelina, imma l-goal ġie mħassar għaliex l-attakkant Hamruniż ġie ġġudikat li lagħab il-ballun b’idu tant li ntwera saħansitra l-karta safra.
Iżda fil-61 minuta wasal il-goal tal-vantaġġ għal Hamrun meta Luke Montebello spara l-ballun fix-xibka mill-qrib wara li d-difiża ta’ Balzan naqset illi tikklerja.
Minkejja li kien baqa’ nofs siegħa logħob l-Ispartans għażlu li jikkontrollaw il-vantaġġ minimu li kellhom bla ma kienu wisq perikolużi għall-kumplament tal-logħob. Fl-istess ħin qatt ma ppermettew lill-avversarji tagħhom ikunu ta’ theddida fil-kontrattakki tagħhom.
Referee: Alex Johnson
Plejer tal-Logħba: Luke Montebello (Hamrun S.)