Bħala parti mill-funeral li qed isir bejn il-Knisja u l-Gvern lill-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona, ingħata tislima xierqa quddiem il-Knisja ta’ San Duminku fil-Belt Valletta.
Għall-ħabta ta’ nofsinhar indaqqu l-qniepen kollha tal-knejjes, b’tislima lill-Arċisqof Emeritu.
Fl-3:45pm, il-korteo funebri telaq mill-Isptar Mater Dei għall-Kon-Katidral ta’ San Ġwann u mar l-ewwel quddiem il-Knisja ta’ San Duminku.

Wara għadda minn Triq il-Merkanti, Triq San Duminku, Pjazza San Ġorġ u Triq ir-Repubblika, għall-Kon-Katidral ta’ San Ġwann.
Fil-ħamsa ta’ waranofsinhar sar l-Għasar tal-Mejtin, li tmexxa mill-Arċisqof ta’ Malta, il-Monsinjur Charles J. Scicluna.
Imbagħad bejn il-5:30pm u t-8:30pm, l-Arċisqof Emeritu Cremona qiegħed espost għall-qima tal-pubbliku fl-Oratorju tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann. Se jkun hemm ukoll ktieb tal-kondoljanzi.

Imbagħad, il-Ġimgħa se jkun espost għall-qima tal-pubbliku bejn id-disgħa ta’ filgħodu u t-tmienja u nofs ta’ filgħaxija.
Is-Sibt, imbagħad se tingħata l-aħħar tislima lill-Monsinjur Pawlu Cremona, bil-quddiesa se tkun fid-disgħa u nofs ta’ filgħodu.
Preżenti se jkun hemm l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż, fosthom il-President Myriam Spiteri Debono u l-Prim Ministru Robert Abela. Din l-aħħar tislima se tkun ikkonċelebrata mill-Arċisqof ta’ Malta, il-Monsinjur Charles Scicluna.
Id-difna se ssir b’mod privat fil-Knisja tal-Madonna tal-Għar u ta’ San Duminku fir-Rabat.