Monsinjur Victor Grech irċieva l-Premju t’Anzjanità Attiva.
Dan f’ċerimonja sabiħa li saret il-Ġimgħa filgħaxija taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta Dr George Vella.
Monsinjur Victor Grech rċieva l-premju minn idejn il-President, fil-preżenza tal-Ministru għall-Anzjanità Attiva Michael Farrugia.
Il-Premju Anzjanità Attiva huwa ċelebrazzjoni ta’ xogħol, impenn u dedikazzjoni fis-settur tal-Anzjanità Attiva. Dan hekk kif huwa avveniment annwali ddedikat għall-anzjani, li matulu din is-sena ngħataw ħames premjijiet.
Mons. Grech twieled Bormla u kien Direttur tal-Caritas fejn għamel ħafna ġid ma’ żgħażagħ u familji u għenhom jiġġieldu l-vizzju tad-droga.
Għal nofs seklu Monsinjur Victor Grech ta sehmu wkoll fuq ix-xandir u ppreżenta programmi b’temi soċjali fuq ir-radju.
Fir-reazzjoni tiegħu Monsinjur Grech qal li minkejja li illum għandu 92 sena dejjem jagħmel minn kollox biex jibqa’ attiv: “Trid iżżomm ruħek attiv u nħoss li dik hija l-aqwa ħaġa fil-ħajja li minkejja l-età u minkejja li m’għadekx li kont però żżomm moħħok jaħdem il-ħin kollu u tinvolvi ruħek fl-affarijiet ta’ madwarek. Din waħda mill-affarijiet li nixtieq ngħid lill-anzjani kollha. Tkunu qed tagħtu l-ħajja liż-żmien meta tagħmlu hekk.”
Intant waqt iċ-ċerimonja ġew rikonoxxuti wkoll bosta anzjani oħrajn fosthom Albert Marshall, li ħa l-Premju tal-Anzjanità Kulturali.
F’diskors tal-okkażjoni, il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia faħħar id-dedikazzjoni ta’ persuni u individwi li, grazzi għall-impenn tagħhom, jagħmlu differenza fil-ħajja mhux biss ta’ anzjani oħra imma wkoll fil-komunità u persuni oħrajn ta’ kull età.
Huwa appella biex aktar anzjani, jipparteċipaw f’attivitajiet u inizjattivi li jgħinuhom jibqgħu attivi fis-soċjetà u biex ikomplu jgħinu lil ta’ madwarhom.
Waqt din iċ-ċerimonja, il-President ta’ Malta George Vella qal li, “Ir-rispett, l-inklużjoni u l-opportunitajiet indaqs huma l-ingredjenti ewlenin li matul iż-żmien komplew isaħħu l-importanza tal-anzjanità attiva u l-bżonn li bħala pajjiż ma nitilfux il-minjiera ta’ talent u għerf li dawn in-nies jistgħu u jixtiequ jgħaddu lis-soċjetà.”